Knisja Lokali

“Il-politiċi għandhom jiffukaw fuq il-ġid komuni”

Il-politiċi ta’ pajjiżna għandhom jiefqu jaħlu l-ħin fuq il-piki partiġjani li jdaħlu biss lin-nies fl-isqaqin. Minflok għandhom jiffukaw fuq il-ġid komuni bħala l-ogħla valur tagħhom u ma jinqdewx bi kwistjonijiet ambjentali biex jintgħoġbu mal-elettorat.

Appell b’saħħtu mill-Kummissjoni Ġustizzja u Paċi u l-Kummisjoni Ambjent tal-Kurja fejn fi stqarrija qed isejħu biex jingħata iktar widen kemm ghall-karba tal-ambjent…. kif ukoll tal-foqra.

F’riflessjoni għall-istaġun tal-ħolqien ta’ din is-sena, il-Kummissjonijiet tal-Knisja qed jappellaw biex jitħares iktar l-ambjent ta’ madwarna. Dan hekk kif minkejja li qed jiżdiedu l-ispazji ħodor f’pajjiżna, l-industrija tal-bini xorta qed titħalla tkompli tiekol mill-ispazji naturali u urbani tagħna. U dan minkejja li stħarriġ wara l-ieħor qed ikompli jikkonferna kemm dan kollu mhux sostenibbli għal pajjiżna u qed ikollu impatt negattiv fuq il-kwalità tal-ħajja tal-Maltin.

Apparti dan, wieħed ma jistax jippromwovi l-inklużjoni ta’ persuni b’diżabbiltà u mbgħad jaċċetta proċeduri mediċi li jnaqqsu l-embrijuni.

L-istqarija titfa’ dawl ukoll fuq id-diskriminazzjoni sesswali fejn filwaqt li qed ngħixu f’soċjeta li tivvalorizza d-dinjita tal-mara u tippromwovi s-sehem attiv tagħha, xorta waħda taċċetta li jkun hemm diskriminazzjoni bejn is-sessi fuq il-post tax-xogħol.

Fil-messaġġ li Papa Franġisku għamel għall-okkożjoni tal-Istaġun tal-Ħolqien, il-Kap tal-Knisja Kattolika qal li l-leħen tal-ħolqien u tal-persuni ilhom żmien imsikkta u mwarrba fil-ġenb minħabba interessi ekonomiċi… fejn dan kollu qed jissarraf fil-qerda tal-ambjent u f’miżerji għal bosta persuni, speċjalment il-foqra – li huma dawk li l-aktar li qed ibatu l-konsegwenzi tal-qerda ambjentali.