Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Marse-Ann Farrugia illiberat missier ta’ 38 sena li kien qed jiġi mixli li kkaġuna ġrieħi gravi fuq ibnu meta l-prosekuzzjoni kienet qalet li kien ta daqqa tah daqqa ta’ kitla. Il-Qorti qalet li ma hemx raġunijiet biżżejjed biex ir-raġel jitqiegħed taħt att ta’ akkuża.
Meta l-każ beda jinstema’ l-Qorti kemm l-allegat vittma u membri tal-familja għażlu biex ma jixhdux kontra l-missier, residenti l-Fgura, biex għaldaqstat huwa ġie lliberat fuq nuqqas ta’ provi. L-Ispettur Eman Hayman xela lir-raġel li wkoll li nġurja bil-kliem lil ibnu u li nġurjah b’mod li ħareg barra mill-limiti tal-provokazzjoni.
Kien qed jiġi mixli wkoll li kellu fil-pussess tieghu ‘droga’ u/jew ‘sustanza psikoattiva ġdida. Din l-akkuża waqgħet wara li l-prosekuzzjoni kienet irtirata waqt il-proċess. Minbarra t-tifel lanqas is-sieħba tal-akkużat, li jiġi missier it-tfal tagħha, ma riedet tixhed.
Fil-Qorti xehedu ukoll l-Ufficjal Prosekutur l-Ispettur Eman Heyman u t-tabiba Joanna Thompson. L-Ufficjal Prosekutur xehed kif it-tifel kien kellmu fil-prezenza ta’ ommu, u rraporta li kien hemm argument primarjament bejnu u bejn missieru.
It-tifel qal li waqt dan l-argument, l-imputat kien tah daqqa ta’ kitla fuq rasu, u ikkaġunalu xi griehi, u ippreżenta ċertifikat mediku rilaxxat minn Dr Joanna Thompson, tabiba il-Paola Health Centre, li kkonfermat bil-ġurament iċ-ċertifikat mediku rilaxxat minnha fl-24 ta’ Lulju 2021, fejn iddikjarat li l-vittma kellu “laċerazzjoni ta’ żewġ ċentimetri fuq in-naħa tax-xellug ta’ moħħu, ferita kklassifikat bħala waħda gravi.
L-imputat irrilaxxa stqarrija b’mod audioviżjwali li ġiet esebita fuq CD. F’din l-istqarrija huwa għażel li ma jwieġeb għal kważi l-ebda domanda, u fir-risposti tiegħu għall-ftit domandi li wieġeb, huwa innega l-allegazzjonijiet li kienu qed isiru fil-konfront tieghu.
F’dan l-istadju tal-proċeduri, il-Qorti qalet li trid tiddeċiedi fuq il-kwistjoni ta’ x’inhu l-livell ta’ prova li trid tilħaq il-Prosekuzzjoni, sabiex l-istess Qorti tiddeċiedi li jkun hemm raġunijiet bizzejjed sabiex l-imputat jitqiegħed taħt att t’ akkuża.
Il-Qorti qalet li fin-nuqqas ta’ xhieda, anke tal-istess vittma u xhieda oħra biex jikkoraboraw x-xhieda, l-imputat ma jistax jinstab ħati tal-akkużi miġjubin kontrih. Min-naħa l-oħra fil-ftit domandi li għażel li jwieġeb waqt l-interrogatorju tiegħu, l-imputat ċaħad l-allegazzjonijiet li qed isiru fil-konfront tiegħu.
Il-Qorti qalet li kienet qed tiddikjara li m’hemmx raġunijiet bizzejjed biex l-imputat jitqiegħed taħt att ta’ akkuża
fir-rigward tal-imputazzjonijiet l-oħra, u konsegwentement ordnat l-liberazzjoni tiegħu mill-imputazzjonijiet miġjuba fil-konfront tiegħu. Il-Qorti ordnat ukoll li l-atti ta’ din il-kumpilazzjoni jintbagħtu lill-Avukat Ġenerali fiż-żmien mogħti mil-liġi, flimkien mal-oġġetti kollha li għandhom x’jaqsmu mal-każ.