Ambjent Lokali

“Jinħtieġ użu aktar għaqli tal-artijiet agrikoli f’pajjiżna” – PN

Il-Gvern għandu jirrevedi minnufih il-kriterji meħtieġa għall-għoti ta’ tenders għal artijiet agrikoli, filwaqt li jkun hemm mekkaniżmu effiċjenti ta’ infurzar biex dawn l-artijiet jintużaw għall-iskop primarju tagħhom, dak agrikolu.

Il-Partit Nazzjonalista, fi stqarrija maħruġa mill-Kelliem għall-Agrikoltura u s-Sajd Toni Bezzina u mill-Kelliema għall-Artijiet u d-Drittijiet tal-Konsumatur Rebekah Cilia, jinnota kif qed issir dejjem aktar diffiċli għal bdiewa żgħażagħ li jakkwistaw biċċa art bl-iskop li jaħdmuha u każi bħal dawn ikomplu jagħtu raġun lil dawk li ta’ kuljum qed jaqtgħu qalbhom minn dan is-settur.

Jekk nitilfu l-aħħar bdiewa u artijiet agrikoli li fadlilna, inkunu qed iinpoġġu s-sigurtà tal-ikel f’riskju. Għaldaqstant, fi żminijiet bħal dawn, għandna ninċentivaw lill-bdiewa biex jipproduċu aktar ikel li kulħadd jista’ jibbenefika minnu u noffrulhom sostenn minflok nagħlqulhom il-bieb f’wiċċhom.

L-Għaqda Bdiewa Attivi qalet li immaġini bis-satellita ta’ tliet plottijiet separati ta’ art agrikola mogħtija bl-offerta mill-Gvern matul l-aħħar sentejn ma wrew l-ebda sinjali ta’ biedja, minkejja li ġew mikrija mill-Gvern speċifikament biex jintużaw għal skop agrikolu.

Diversi bdiewa, partikolarment dawk żgħażagħ, jiddependu fuq art agrikola tal-Gvern biex ikunu jistgħu jagħmlu xogħolhom, speċjalment minħabba li l-prezzijiet ta’ art agrikola tal-privat huma għoljin wisq biex bdiewa żgħażagħ jibdew in-negozju tagħhom.

L-immaniġġjar ħażin ta’ art agrikola tal-Gvern se jħalli effetti devastanti fis-snin li ġejjin.