L-ispetturi tal-International Atomic Energy Agency (IAEA) waslu fil-faċilità nukleari ta’ Zaporizhzhia, fin-nofsinar tal-Ukrajna u fejn huma mistennija janalizzaw is-sitwazzjoni fis-sit li fl-aħħar ġimgħat inbidlet f’zona ta’ gwerra.
L-IAEA hi l-aġenzija osservatur tan-Nazzjonijiet Uniti fis-settur nukleari u l-ispetturi barranin waslu fil-faċilità bħala parti minn konvoj — u fost preżenza kbira tal-militar Russu li ilu x-xhur jokkupa l-inħawi.
Il-wasla tal-ispetturi seħħet waqt li kien għaddej il-ġlied kontinwu bejn il-qawwiet Ukreni u Russi fir-reġjun ta’ Zaporizhzhia.
L-ispetturi qed jittamaw li jevalwaw il-kundizzjoni tal-faċilità filwaqt li jkellmu lill-ħaddiema Ukreni fis-sit ikkontrollat mir-Russi.
L-istaff fil-faċilità ilu x-xhur jaħdem taħt kundizzjonijet diffiċli u perikolużi u l-ispetturi, ladarba jkellmuhom, għandhom jevalwaw aħjar is-sitwazzjoni filwaqt li jaraw hekk dawn il-ħaddiema jeħtiġux l-għajnuna.
Madankollu ħadd ma jaf kemm se ddum il-missjoni tal-IAEA u għal kemm żmien l-ispetturi se jkunu permessi li jibqgħu f’ Zaporizhzhia.
Iz-zona partikulari ilha l-ġimgħat ċentru għall-battalji, fost il-bumbardamenti bla heda fil-madwar tal-faċilità – u meta l-Ukreni u r-Russi qegħdin jakkużaw lil xulxin bħala l-aggressuri.
//= $special ?>

