Il-Ministri għall-Affarijiet Barranin tal-Unjoni Ewropea qablu li jissospendu ftehim dwar il-visas mar-Russja u li jfisser li ċ-ċittadini Russi, minn issa ‘il quddiem, se jsibuha aktar diffiċli biex jidħlu fi Stat membru tal-Unjoni.
Iżda filwaqt li l-Ukrajna u xi Stati membri tal-UE sejħu biex ir-Russi kollha jispiċċaw ipprojbiti milli jidħlu fil-pajjiżi tal-Ewropa, Franza u l-Ġermanja t-tnejn opponew għal pass hekk drastiku.
‘il fuq minn miljun ċittadin Russu laħaq ivvjaġġa lejn l-Istati tal-UE mindu l-qawwiet tar-Russja invadew lill-Ukrajna fl-24 ta’ Frar.
Sadanittant, diversi pajjiżi Ewropej tal-Lvant, membri tal-UE, mistennija jimponu aktar restrizzjonijiet għall-ivvjaġġar tar-Russi lejn arthom.
Id-deċiżjoni tal-Ministri Ewropej xejn ma niżlet tajjeb mal-awtoritajiet f’Moska, bil-Viċi-Ministru Russu għall-Affarijiet Barranin, Alexander Glushko, jikkritika dan il-pass bħala ‘awtogol’ min-naħa tal-UE fost theddid li r-Russja. ‘il quddiem, għandha twieġeb bil-passi simili.
Fl-istess ħin, l-Ukrajna mhix daqstant kuntenta dwar id-deċiżjoni tal-UE, bil-Ministru Ukren għall-Affarijiet Barranin, Dmytro Kuleba, jikkritika lill-Ministri Ewropej ‘għal dan in-nofs pass’ u wara li Kiev kien qed jistenna deċiżjoni aktar konkreta rigward l-ivvjaġġar tar-Russi lejn l-Ewropa.
Kuleba qal ukoll li kien proprju n-nuqqas ta’ politika riġida fil-konfront tar-Russja min-naħa tal-Punent li wasslet għall-invażjoni mdemmija ta’ pajjiżu, ftit tax-xhur ilu,
Min-naħa tiegħu, il-Kap tal-politika barranija tal-Unjoni Ewropea, Josep Borrell, qal li l-Unjoni sabitha neċessarja li tissospendi l-ftehim dwar il-visas mar-Russja minħabba ż-żieda sostanzjali tan-nies li qasmu mill-fruntieri ta’ dan il-pajjiż lejn l-Istati Ewropej.
Borrell spjega li dan il-moviment tan-nies qed jimponi theddida għas-sigurtà tal-istess Stati Ewropea, filwaqt li rrefera għall-fatt li ‘numru kbir ta’ Russi qegħdin jivvjaġġaw lejn l-Ewropa għall-btajjel u biex jixtru l-affarijiet lussużi daqslikieku ma kenitx għaddejja gwerra fl-artijiet Ukreni’.
Madankollu, Borrell ma jaqbilx li jispiċċaw iżolati dawk ir-Russi li huma kontra l-gwerra fl-Ukrajna u lanqas ma jrid li jbatu l-membri ġenwini tas-soċjetà ċivili f’dak il-pajjiż. Intant, il-Kasp tal-politika barranija tal-UE fakkar li l-pajjiżi li jaqsmu fruntiera mar-Russja huma ħielsa biex jillimitaw l-aċċess lejn arthom għaċ-ċittadini Russi – anki dawk ir-Russi fil-pussess tal-visas.
Il-miżura mħabbra mill-Ministri Ewropej mistennija ttawwal il-proċess għar-Russi biex jiksbu visa u meta l-proċedura, ‘il quddiem, għandha tiswa aktar flus lill-individwu li japplika għaliha. Iżda l-miżura qed titqies ukoll bħala kompromess, bl-Istati tal-UE ma jistgħux jaqblu dwar proċedura fissa li żżomm lir-Russi ‘il barra mill-Ewropa.
Il-ħames pajjiżi tal-UE li jaqsmu fruntiera mar-Russja huma l-Finlandja, l-Estonja, il-Latvja, il-Litwanja u l-Polonja. Dawn il-pajjiżi qalu, fi stqarrija konġunta, li huma jistgħu jintroduċi mandati ta’ projbizzjoni temporanji jew restrizzjonijiet għar-Russi li jridu jidħlu fit-territorji tagħhom ‘u bil-ħsieb li jindirizzaw l-issues imminenti għas-sigurtà pubblika’.
//= $special ?>