Lokali

Misteru dwar l-għajbien tal-Libjan li jinsab imfittex mill-Pulizija

Il-Pulizija ma jridu jgħidu xejn dwar il-każ tal-Libjan li qed jiġi imfittex; lanqas sempliċiment jekk ġietx infurmata il-Europol, jew jekk inħariġx mandat ta’ arrest Ewropew. B’kelliem għall-Korp jgħid illi għalissa mhux prudenti tingħata informazzjoni.

Għalhekk, il-każ ta’ Ramzi Abukem, li huwa suspettat bil-qtil ta’ Mario Farrugia – fost lista twila ta’ reati oħra – għadu mifni b’ħafna misteri.

Dan is-sit saqsa fost l-oħrajn jekk il-Libjan kellux fil-pussess tiegħu dokumenti validi għall-ivjaġġar, u jekk l-awtoritajiet Ewropej ġewx infurmati b’dan l-iżvilupp sabiex jassistu bl-intelligence tagħhom. Il-Pulizija ma weġbux lanqas meta kien l-aħħar li ffirma l-għassa – biex b’hekk, ikomplu jikbru d-domandi dwar dan l-għajbien.

Fl-aħħar sigħat, il-Pulizija kienu għadhom għaddejjin bit-tfittxija għal Ramzi.

Il-Libjan li jinsab imfittex mill-Pulizija huwa wieħed mis-suspettati ewlenin fil-qtil ta’ Mario Farrugia; ir-raġel li nstab bla ħajja f’bagoll ta’ karozza f’Ħal Qormi fil-5 ta’ April li ghadda.

Dak iz-zmien, permezz ta’ evidenza kemm forensika kif ukoll minn kameras tas-sigurtà, kienu ġew arrestati 4 persuni; fosthom il-Libjan li tul l-aħħar snin kien involut f’diversi reati kriminali.

Lura fl-2018 Abukem kien ġie akkużat bil-qtil ta’ Mahmoud Elmejdi fil-Ħamrun. Dan ifisser li l-persuna mfittxija kien akkużat f’żewġ każi ta’ qtil, filwaqt li kien ukoll akkużat fi 3 każi ta’ serq – fl-2017 u tnejn oħra fl-2019 – fejn kien akkużat li seraq familja b’arma fuqu u 3 persuni oħrajn waqt li kien qed jheddidhom b’sikkina.

Dawn l-aħħar reati kien għamilhom waqt li kien inghata l-helsien mill-arrest.

Filwaqt li l-pubbliku huwa mħeġġeġ sabiex iżomm l-attenzjoni minn dan ir-ragel, kelliema għall-Pulizija ma żvelawx ma’ Net News kemm ilu ma jiffirma fl-għassa, hekk kif hu jinsab imfittex waqt li qieghed barra fuq libertà proviżorja.