Futbol Sport

Nwoko jirritorna fil-Kampjonat Premier…Karl Micallef jingħaqad ma’ Gudja United

Fl-aħħar jum tas-suq tat-trasferimenti f’Malta, fost oħrajn spikka r-ritorn fil-Kampjonat Premier taż-żgħażugħ ta’ 25 sena Kyrian Nwoko li laħaq ftehim ma’ Floriana. Nwoko, li huwa prodott ta’ St. Andrews kien l-aħħar fuq il-kotba ta’ St Patrick’s Athletic fl-ogħla diviżjoni fl-Irlanda. F’Malta huwa lagħab ukoll ma’ Valletta u rebaħ żewġ kampjonati fl-istaġun 2017/18 u 2018/19.

Akkwist importanti ieħor fl-aħħar ħinijiet kien dak ta’ Karl Micallef li ingħaqad ma’ Gudja United. Micallef kien għad fadalu żewġ staġuni ma’ Ħamrun Spartans u ż-żewġ partijiet laħqu ftehim amikevoli biex ikun terminat il-kuntratt tad-difensur Internazzjoni Malti u warra ffirma kuntratt mal-klabb ġdid tiegħu.

Santa Lucia F.C. kisbu lill-attakkant żagħżugħ ta’ 18-il sena Gustavo Henrique Dourado Ferreira.
Il-plejer Brażiljan jasal f’pajjiżna wara diversi staġuni jilgħab għal Laranja Mecânica.

Kienet ikkonfermata wkoll storja oħra esklussiva li kienet żvelata mill-paġna ta’ Replay fl-aħħar jiem. L-eks plejer ta’ PSG, Sunderland AFC u West Bromwich Albion News fost l-oħrajn, Stephane Sessegnon hu uffiċjalment plejer ta’ Sirens FC.
Sessegnon kien qed jilgħab l-aħħar fl-ogħla diviżjoni tat-Turkija, ma’ Gençlerbirliği u lagħab mat-tim nazzjonali ta’ pajjiżu, Benin. Sirens mistennija jippreżentaw dan l-akkwist il-Ħamis.