Lokali Qorti

Raġel bil-vizzju tad-droga li ammetta diversi serqiet jingħata l-aħħar ċans mill-Qorti

Raġel ta’ 45 sena mill-Imsida li għandu problema ta’ droga ngħata l-aħħar ċans mill-Qorti biex jirriforma ruħu wara li l-Maġistrat Charmaine Galea poġġietu taħt ordni ta’ protezzjoni għal tliet snin biex jiġi segwit u ħarġet ordni ta’ trattament għall-istess perjodu sabiex jingħata l-għajnuna kollha possibbli biex jindirizza l-vizzju tad-droga. Vincent Cucciardi ammetta li seraq żewġ vetturi u fuel minn ħames karozzi differenti.

Huwa kien jagħmel dan biex ikollu flus biżżejjed biex jixtri d-droga fejn ammetta li x-xahar, bejn id-19 u t-22 ta’ Awwissu li għadda seraq vann tal-għamla Toyota Hilux minn Triq Luret Cutajar Ħaż-Żebbuġ u li fl-istess jum seraq karozza oħra minn Triq Vjal ir-Rihan, San Ġwann.

Huwa ammetta wkoll li fl-istess perjodu seraq fuel minn ħames karozzi differenti, tlieta f’Ħal Qormi u tnejn oħra f’Ħaż-Żebbuġ. Akkuża oħra fil-konfront tiegħu kienet li huwa riċediv. Fl-isfond tal-ammissjoni tiegħu, il-Qorti sabitu ħati għall-akkużi miġjuba kontrih.

Meta ġiet biex tagħti s-sentenza, l-Maġistrat Galea, osservat li Cucciardi ikkopera mal-Pulizija, ammetta mal-ewwel u spjegalha li għandu problema akkuta tad-droga u li jrid jagħmel programm biex jegħlibha. Madankollu, hija qieset ukoll il-kondotta tiegħu, li turi li wettaq diversi reati li għal uħud minnhom serva sentenza ta’ priġunerija.

Il-Qorti qalet li ladarba l-imputat wera x-xewqa li jindirizza l-problema ta’ abbuż ta’ droga, hija disposta li tagħti lill-imputat ċans biex jiġi fuq saqajh. Kien għalhekk, li poġġietu taħt ordni ta’ protezzjoni għal tliet snin biex jiġi segwit u ħarġet ordni ta’ trattament għal tliet snin sabiex jingħata l-għajnuna kollha possibbli biex jindirizza l-vizzju tad-droga.

Il-Maġistrat Galea wissietu li jekk ma jsegwix dak mistenni minnu fl-ordnijiet li se jingħataw, huwa jitlef din l-opportunità li l-Qorti qed  tagħtih bil-konsegwenzi kollha li dan jista’ jġib miegħu. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Clayton Camilleri.