Internazzjonali

Russja: Imprenditur ewlieni, ħabib ta’ Putin, jaqa’ għal mewtu minn tieqa ta’ sptar

Iċ-Chairman tal-kumpannija taż-żejt Lukoil, li hi waħda mill-akbar entitjajiet fir-Russja, waqa’ għal mewtu minn tieqa ta’ sptar f’ċirkustanzi misterjużi.

Il-kumpannija kkonfermat il-mewt ta’ Ravil Maganov, li kien qrib ħafna tal-President Russu, Vladimir Putin, iżda qalet biss li Maganov, li kellu 67 sena. ‘miet wara li kien marad serjament’.

Madankollu, il-media tar-Russja sostniet li Maganov, fl-aħħar ta’ ħajtu, kien qed jingħata trattament fl-Isptar Ċentrali ta’ Moska u ‘il quddiem miet mill-ġrieħi li ġarrab mill-waqgħa.

Ravil Maganov hu l-aħħar fost numru ta’ imprendituri Russi ta’ profil għoli li tilfu ħajjithom f’ċirkustanzi misterjużi. L-istess imprenditur kien kritiku tal-gwerra fl-Ukrajna u, ftit wara li daħlu l-ewwel truppi Russi fl-artijiet Ukreni, il-bord tal-Lukoil kien sejjaħ għat-tmiem immedjat tal-konflitt minbarra li esprima simpatija mal-vittmi tal-inkursjoni armata.

Hu minnu wkoll li, fl-aħħar xhur, diversi oligarki tal-enerġija Russi tilfu ħajjithom f’ċirkustanzi li mhumiex qed jitqiesu bħala normali.

Fl-aħħar sigħat, l-awtoritajiet li kienu qed imexxu l-investigazzjonijiet dovuti fl-isptar ta’ Moska u waqt li l-aġenzija tal-aħbarijiet Tass ikkwotat is-sorsi li qalu li’Maganov kien waqa minn tieqa fis-sitt sular tal-bini’ u li ‘dan seħħ bħala attentat ta’ suwiċidju’.