Post li darba kien jilqa’ numru kbir ta’ Maltin u turisti li jagħżlu li jmorru hemm għall-kwiet biex jippassiġġaw issa sar post deskritt bħala agħar mill-miżbla.
Din hi iz-zona tal-Bidni, f’Marsaskala… post meqjus bħala storiku hekk kif wieħed isib il-Kappella tal-Madonna tad-Dawl; liema zuntier tal-Kappella jinsab fi stat diżastruż.
Fil-fatt, il-post sar tant perikoluż li r-residenti spiċċaw jibżgħu joħorġu weħidhom minn djarhom stess.
“Spiċċajna ninżlu fit-triq ewlenija biex ninżlu mat-tifel ta’ 21 sena lura d-dar għax ma nafdawx meta tara t-triq hi kif inhi,” qalet waħda mir-residenti.
Sitwazzjoni li tant hi tal-biki li saħansitra l-anzjani bilkemm jistgħu joħorġu barra minn djarhom minħabba t-tħarbit fit-toroq.
“Anzjana spiċċat kissret wiċċha kollu għax sabet ħofra daqsxiex,” qalet residenta mbikkma.
Imbagħad wieħed ma jistax jinsa li hekk kif it-toroq huma kollha maqlugħin, dan ma jfisser xejn ħlief trab ma’ kullimkien… b’riżultat li jaħslu l-karozzi hu inutli, ħwejjeġ notfa minxurin jerġgħu jitħamġu f’sekonda… u saħħithom sejra għall-agħar jum wara l-ieħor.
“Jien inbati bl-asma,” qalet residenta. “Dan it-trab ma jagħmilli xejn tajjeb”
Ħajja mieżera għal 50 familja, jiġifieri iktar minn 100 ruħ, inkluż it-tfal.
“Ma nafdax lit-tfal jilgħabu bir-rota f’dawn it-toroq imħarbtin,” qalet omm. “Saret zona verament perikoluża.”
It-triq ilha mħarbta għal madwar sentejn… meta l-Gvern Laburista kien wiegħed li din it-triq titlesta f’sitt ġimgħat… proposta li żgur mhux forsi li se titlesta f’kemm ilna ngħidu meta tikkunsidra x’diżastru ta’ sitwazzjoni wieħed isib.
Triq li saret ta’ malajr bil-konkos minflok bit-tarmac biex taparsi sar xi ħaġa… u tant saret ta’ malajr li wieħed isib l-ilma kontinwament ħiereġ f’nofs ta’ triq… u agħar minnhekk, sistema ta’ dranaġġ qatt ma saret, b’riżultat li r-residenti spiċċaw jinqdew bil-fossa.
“Trattati agħar mill-annimali,” qablu r-residenti bejniethom.
Abbandun assolut tant li t-trakk taż-żibel qatt ma jersaq lejn din iż-żona, u ambulanza, trid jew ma tridx m’għandix aċċess biex tidħol.
“Anzjana spiċċat laħqet mietet f’darha stess għax l-ambulanza bl-ebda mod ma setgħet tgħaddi minħabba d-diżastru ta’ toroq,” qalet imbikkma residenta.
U wieħed ma jistax ma jinnotax it-terrapin u skart tal-kostruzzjoni li diversi kuntratturi qed jarmu fiz-zona bl-addoċċ.
Ritratti: Martin Agius
//= $special ?>