Il-kwistjoni dwar it-terminazzjoni tal-impjieg ta’ Mario Mallia mill-Kulleġġ San Albert ilha għaddejja l-ġimgħat, bl-MUT qed tkompli tappella biex ir-rettur u l-membri tal-bord tal-kulleġġ jirriżenjaw mill-pożizzjoni tagħhom b’mod immedjat.
Madanakollu, fi stqarrija b’risposta għal dak li qalu l-MUT, il-Kulleġġ San Albert stqarr li l-MUT s’issa dejjem irrifjutat laqgħa magħhom biex tkun diskussa din il-kwistjoni.
Fi stqarrija maħruġa ġimgħat ilu mill-Kulleġġ kien intqal li din it-terminazzjoni tal-impjieg hija riżultat ta’ diversi kwistjonijiet maniġerjali u proċedurali li ilhom jinġemgħu, u li b’dispjaċir baqgħu ma ġewx riżolti.
Fl-ewwel punt li għamlet l-MUT fi stqarrija mahruga l-Gimgha… intqal kif bħalissa m’hemmx persuna li għandha liċenzja biex tmexxi l-iskola. Dwar dan, il-Kulleġġ wieġeb li l-kwistjoni dwar il-liċenzja ilha pendenti għal iktar minn sena, filwaqt li qalu li qed jaħdmu fuqha biex sal-ftuħ tas-sena skolastika tkun riżolta.
L-MUT qalet ukoll kif l-aħħar preparazzjonijiet għas-sena skolastika l-ġdida jinsabu ġimgħat tard… fosthom preparazzjonijiet għat-timetable, li iżda jidher li din ma setgħetx tingħata mir-Rettur minħabba direttivi li hemm fis-seħħ minn naħa tal-Union.
Rapporti oħra qed jindikaw li numru ta’ għalliema spiccaw irriżenjaw mill-impjieg taghhom f’St Albert – u dan b’appoġġ għall-eks surmast Mario Mallia.