Kulħadd xi darba jew oħra sema’ jew saħansitra mar jixtri mingħand il-ħanut Caruana & Sons tal-Belt biex jimla’ daru b’oġġetti varji.
Ilu jagħti servizz lil eluf ta’ klijenti għal dawn l-aħħar 85 sena, iżda issa, sfortunatament, se jkun qed jagħlaq il-bibien tiegħu darba għal dejjem.
Ħanut li tista’ tgħid ra minn kollox… Kien fetaħ il-bibien tiegħu daqs sentejn qabel faqqgħet it-Tieni Gwerra Dinjija, jiġifieri fl-1937… b’dan il-ħanut jibqa’ mfakkar b’mod speċjali għaż-żjarat li kien jagħmel il-qaddis Malti San Gorg Preca.
Hu kien imur jipprietka lin-nies kull l-ewwel Tnejn u Tlieta tax-xahar f’kamra fuq il-ħanut… bis-sid oriġinali, Nikol Caruana, kien jieħu l-opportunità biex jixtri landa toffee ħalli San Gorg Preca iberikha u wara titqassam lil dawk preżenti.
Il-ħanut oriġinali kien beda bil-bejgħ tal-għamara għad-djar… fejn kien Nikol stess li kien jaħdem l-għamara hekk kif kien mastrudaxxa.
Iżda tlettin sena wara, l-erba’ ulied ta’ Nikol kienu ddeċiedew li jaqilbu n-negozju minn dak tal-għamara għall-affarijiet tad-dar… kif ħafna kienu jafuh għal dawn l-aħħar snin. Iżda minkejja li se jagħlaq, il-ħanut għadu u jibqa’ jfisser ħafna għal Josef.
Lura fl-1971, il-ħanut kien inqered kompletament hekk kif ħa n-nar u dam jaqbad għal tlett ijiem sħaħ. Iżda Josef u ħutu qatt ma qatgħu qalbhom.
Dan il-ħanut, lil Josef tah ħafna sodisfazzjoni… iżda qed jiddispjaċih li se jara l-bibien jingħalqu darba għal dejjem?
“Lanqas xejn,” qal Josef. “Dan il-ħanut tani sodisfazzjoni kbir. Iżda fl-aħħar mill-aħħar kollox jasal fi tmiemu.”
U xi jkun l-aħħar messaġġ ta’ Josef lil dawk il-klijenti li xi darba jew oħra żaru dan il-ħanut?
“Nirringrazzja lin-nies kollha fl-aħħar snin ġew fil-ħanut tagħna,” qal Josef. “Dejjem kienu simpatiċi u aħna provajna ngħinuhom fejn stajna.”
Ritratti: Martin Agius
//= $special ?>