Fl-aħħar snin ma sar l-ebda investiment biex is-settur tas-saħħa f’pajjiżna jittejjeb.
Hekk stqarr il-President tal-MUMN Paul Pace illi tenna li kull ma jmur qed jonqsu l-infermieri l-ġodda u qed jitilqu ferm aktar infermieri minn din il-professjoni.
“Is-sitwazzjoni meta tara li lanqas għandek 111-il infermier meta taf li għandek nuqqas ta’ 700, tinduna kemm aħna ‘l bogħod biex nilħqu t-tragwardi tagħna.
“Dan huwa inkwetanti, kull sena dawk li jigradwaw mill-Università qed jonqsu u dawk li qed jitilqu qed jiżdiedu”
Paul Pace qal li għalkemm għandna 111-il infermier ġdid, fosthom hemm infermieri li se jibqghu biss part-time għax qed jistudjaw għal tabib.
Huwa qal li issa anki l-infermiera barranin se jkunu qed jitilqu minn pajjiżna u se jmorru l-Ingilterra.
Saħansitra anki infermiera barranin, f’Ottubru se jkun hawn l-NHS biex tieħu 300 infermier lejn l-Ingilterra. Jekk se nħallu l-pagi kif inhuma, u l-kundizzjonijiet tal-infermiera daqhsekk ħżiena, dawn l-isfidi se jibqgħu jiżdiedu”
Paul Pace stqarr ma’ Net News li dan il-Gvern naqas ħafna milli jagħti d-dinjità lill-ħaddiema tas-saħħa u anki lill-pazjenti li jkunu qed jirċievu l-kura.
“L-aktar li nbatu hu li ma sarx investiment fil-qasam tas-saħħa b’mod inġenerali. Monte Carmeli hemm il-puntali tas-soqfa biex ma jaqgħux fuqna. Ma sarx sptar ġdid, lanqas manutenzjoni. Fl-aħħar 5 snin kellna nużaw il-librerija u l-canteen f’Mater Dei. Ma nfetħux swali ġodda, investiment mhu jsir imkien fil-qasam tas-saħħa.”
Intant saqsejna lill-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne x’soluzzjoni se jkun qed joffri għan-nuqqas ta’ infermieri bid-Deputat Prim Ministru jgħidilna li se jkompli jħeġġeġ biex aktar żgħażagħ jidħlu fil-kors għal din il-professjoni. Iżda fl-ebda waqt ma qalilna x’inċentivi se jagħti.
“L-appell tagħna jkun biex aktar żgħażagħ jidħlu għall-karieri fil-qasam mediku inkluż dak tal-infermiera”
//= $special ?>