Futbol Sport

Kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja 2023: Malta titlef kontra l-Ażerbajġan b’goal f’kull taqsima

(Ritratt: Mark Zammit Cordina)

Malta 0

Ażerbajġan 2

It-tim Nazzjonali Malti tan-nisa sofra telfa ta’ 2-0 kontra l-Ażerbajġan fis-Centenary Stadium. Ażerbajġan din id-darba rnexxilhom jirbħu lit-tim immexxi minn Mark Gatt wara li f’Ottubru tas-sena l-oħra l-Maltin kienu rebħu bl-iskor ta’ 2-1 f’Baku. B’din ir-rebħa l-Ażeri qabżu lil Maltin u telgħu fir-raba’ post ta’ Grupp E b’6 punti.

Dan kien l-aħħar impenn f’Malta hekk kif issa nhar it-Tlieta t-tim Malti jilgħab l-aħħar partita ta’ kwalifikazzjoni kontra l-Montenegro barra daru.

It-tim immexxi minn Siyasat Asgarov mill-ewwel ħareġ fuq l-offensiva u wara 10 minuti fetaħ l-iskor permezz ta’ Kristina Bakarandze li b’xutt b’saħħtu għelbet lil Janice Xuereb. Il-Maltin irrispondew ftit wara b’xutt minn tarf il-kaxxa ta’ Shona Zammit li għadda għoli. Jibqgħu jinsistu għal goal tad-draw, il-Maltin f’żewġ tentattivi separati meta l-ewwel kienet Maria Farrugia li rat ix-xutt tagħha jgħaddi ftit barra biex mbgħad minn barra l-kaxxa Rachel Cuschieri tefgħet barra.

(Ritratt: Mark Zammit Cordina)

Wara kwarta mill-bidu tat-tieni taqsima Mark Gatt daħħal tliet plejers friski, Maya Lucia, Dorianne Theuma u Alishia Sultana f’tentattiv li jsib il-goal tad-draw. Mandankollu kienu l-Ażeri li fis-60 minuta rduppjaw permezz ta’ Diana Mammadova li kkonkludiet azzjoni maħduma tajjeb ħafna u għelbet lil Xuereb għal 2-0.

Ftit wara l-goal tal-Ażerbajġan Nicole Sciberras kellha ċans tajjeb meta mill-kaxxa ż-żgħira kellha l-konklużjoni tagħha devjata f’korner. Il-Maltin komplew ifittxu l-goal u Maria Farrugia rat xutt mil-viċin milqugħ minn Sharifova. Fl-aħħar minuti t-tim Malti kien sfortunat li ma’ skorjax meta x-xutt tas-sostituta Dorianne Theuma ħabat mal-lasta biex il-partita ntemmet b’rebħa għall-Ażerbajġan bl-iskor ta’ 2-0.

MALTA

Xuereb; N. Sciberras (68 R. Giusti), S. Farrugia, C. Zammit, J. Flask (60 A. Sultana), E. Lipman, S. Zammit (46 M. Lucia), R. Cuschieri, H. Bugeja, B. Borg (46 D. Theuma), M. Farrugia.

AŻERBAJĠAN

Sharifova; D. Mammadova, N. Mirzayileva, E. Manya (86 V. Hajiyeva), M. Mollayeva, S. Jafarzade, K. Bakarandze (86 F. Teymurova), N. Hajiyeva (68 Z. Mahsimova), N. Parlak, A. Dorofeeva (67 Y. Acar), P. Bozdag (52 A. Ahmadova).