Ħames għaqdiet qegħdin jappellaw l-approvazzjoni reċenti min-naħa tal-ERA ta’ raħal estensiv, ristorant u ħanut fuq Kemmuna. L-organizzazzjonijiet BirdLife Malta, Din l-Art Ħelwa, Friends of the Earth Malta, Moviment Graffitti u Nature Trust – Malta jopponu bis-sħiħ l-urbanizzazzjoni ta’ Kemmuna u l-valutazzjoni superfiċjali li saret ta’ dan il-proġett privat fuq riserva naturali prezzjuża li jiffavorixxi biss il-gwadann kummerċjali tas-sinjuri.
L-ewwel seduta tal-appell se ssir nhar il-Ħamis 15 ta’ Settembru.
“Ma nistgħux nifhmu kif l-ERA approvat proġett li jikser kull politika ambjentali u tal-ippjanar li teżisti, mid-Direttiva dwar il-Ħabitats sal-Pjan Lokali. Minflok tħares il-bijodiversità u l-bilanċ ekoloġiku sensittiv ta’ dan is-sit tan-Natura 2000, l-ERA approvat l-urbanizzazzjoni tal-gżira, il-qtugħ ta’ 380 siġra protetta u l-qerda tal-istat naturali tal-post. Dan wara li l-ERA għamlet snin sħaħ poġġuta fuq dokument dwar kemm tiflaħ iġġorr nies Kemmuna, li ma riditx tippubblika. Aħna appellajna d-deċiżjoni tal-ERA quddiem it-Tribunal ta’ Reviżjoni tal-Ambjent u l-Ippjanar u ser inkomplu nisħqu fuq il-ħarsien ta’ kull rokna ta’ Kemmuna.”
Il-proposta għall-iżvilupp tressqet minn fergħa sussidjarja tal-Hili Group u tkopri d-disa’ bungalows abbandunati li hemm bħalissa fil-Bajja ta’ Santa Marija inkluż il-bini ta’ raħal ta’ 19-il villa għal persuni privati kif ukoll ristorant u ħanut tal-bżonnijiet. Il-popolazzjoni prevista għall-post hija ta’ 130 persuna. Dan l-iżvilupp ser jeqred parti kbira mix-xagħri u jxekkel l-integrità ambjentali tal-bajja.
Il-proposta hija eżempju ċar ieħor ta’ disprezz sħiħ lejn ambjent san u tinsab fil-proċess ta’ applikazzjoni għall-ippjanar fejn wara perjodu li fih il-pubbliku jkun jista’ jibgħat l-oġġezzjonijiet, titressaq imbagħad quddiem il-bord tal-PA.
//= $special ?>