Bidwi li jinsab mixli bl-attentat ta’ qtil ta’ Noel Ciantar ix-xahar li għadda, ngħata l-pleġġ mill-Maġistrat Nadine Lia wara l-ewwel seduta tal-kumpilazzjoni. Joseph Micallef ta’ 73 sena resident fil-limiti tar-Rabat u Ħad-Dingli spara lil Ciantar u laqtu f’dahru, hekk kif l-allegat vittma kien qed jinnavika fil-karozza quddiem ir-residenza tiegħu.
Tard il-Ħamis il-Maġistrat Lia kienet infurmata kif sid ta’ farmhouse sofra minn tir f’dahru fil-post imsejjaħ bħala Wied Ħażrun. Ciantar qal li għall-ewwel kien ħaseb li ħa xokk elettriku, meta mess mal-karozza tiegħu, fejn dak il-ħin kien jiċċekkja l-livell tal-ilma tal-karozza tiegħu. Noel Ciantar kien qed jixhed fl-ewwel seduta tal-kumpilazzjoni.
Micallef allegatament kien qal lill-pulizija li kellu diversi kwistjonijiet ma’ Ciantar u ma felħux aktar. Ciantar qal fil-Qorti li dakinhar tal-isparatura kien qed jippjana li joħroġ lil ommu. Għalhekk ħareġ il-karozza mill-garaxx, ipparkjaha quddiem il-farmhouse, għabba xi affarijiet personali u għolla l-bonnet tal-karozza biex jiċċekkja l-livell tal-ilma.
Sostna li kien dak il-ħin li sema’ qisha splużjoni u ħass uġigħ kbir f’dahru, imma qatt ma basar li kien tir u għaddielu minn moħħu li ħa xokk meta mess mal-makna tal-karozza. Kompla li beda jgħajjat għall-għajnuna u kien ħuh li ħareġ jiġri mid-dar biex jgħinu u li nduna li kien sofra minn tir f’dahru.
Waqt il-provi rriżulta li l-allegat aggressur ġie arrestat wara li Ciantar semma’ mal-pulizija numru ta’ ismijiet li kellu xi jgħid magħhom. Fil-każ’ xehed l-Ispettur Kurt Zahra li nvestiga l-każ u qal li l-Pulizija bdiet tinvestiga lista twila ta’ ismijiet li tahom Ciantar minnufih.
Ix-xhud qal li meta mistoqsi, il-bidwi qalilhom li ma ħariġx mir-razzett tiegħu, iżda meta l-pulizija marret fl-għelieqi tiegħu u ġabret il-filmati tas-CCTV, huma skoprew li d-decoder tal-camera kien mitfi u hawn wasal is-suspett. Sadniitant meta l-pulizija kienu se jikkonfiskaw it-tagħmir Micallef deher nervuż ħafna u beda jaġixxi b’mod stramb.
F’ħin minnhom qal ukoll lill-Pulzija li mar għall-kaċċa tal-fniek. L-Avukati ta’ Micallef għamlu talba għall-ħelsien mill-arrest tal-akkużat u tennew ir-raġuni li l-akkużat ikkopera mal-pulizija u kien raġel twajjeb, Madankollu iżda l-prosekuzzjoni oġġezzjonat bil-qawwa kollha.
Il-Maġistrat Nadine Lia laqgħet it-talba tad-difiża bil-kundizzjoni li ma jersaqx lejn ix-xena tar-reat u ħarġet ukoll ordni ta’ protezzjoni favur il-vittma u qrabatu. Il-pleġġ lil Micallef ingħata fuq depożitu ta’ €10,000 u garanzija personali ta’ €20,000. Huwa ġie ordnat ukoll jiffirma fl-għassa tal-pulizija. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Roderick Attard, megħjun mill-Avukati fl-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali Kaylie Bonnet u Nathaniel Falzon. L-Avukat Stephen Tonna Lowell u Hugh Peralta qed jidhru għall-akkużat.
//= $special ?>