L-indikazzjonijiet kollha huma li l-President tar-Russja Vladimir Putin, għada s-Sibt, mhux se jattendi l-funeral ta’ Mikhail Gorbachev, l-aħħar President tal-Unjoni Sovjetika li miet fil-lejl tat-Tlieta fl-età ta’ 91 sena.
Gorbachev hu garantit li jibqa’ imfakkar bħala l-mexxej li daħħal is-sistemi aktar liberi fl-eks Unjoni Sovjetika permezz tal-politika magħrufa bħala glasnost u perestroika….Politika partikulari li permettiet għall-ħruġ tal-informazzjoni lill-poplu Sovjetiku minbarra r-riformi importanti fl-amministrazzjoni komunista ta’ dak iż-żmien.
Iżda minkejja l-impatt li ħalla Gorbachev għall-ġenerazzjonijiet tar-Russi, Putin, issa, qal li hu ‘wisq imħabbat’ biex jonora lil Gorbachev waqt il-funeral. Dan waqt li l-kelliema f’Moska tennew li l-President ‘ma jistax ilaħħaq ma’ kollox, meta jinsab mija-fil-mija involut fit-tmexxija tal-gwerra attwali fl-Ukrajna.’
Anki l-kelliem ewlieni għal Putin, Dmitry Peskov, fl-aħħar sigħat, sostna li ‘il-programm mimli bl-impenji ma jippermettix li (Vladimir Putin) ikun preżenti għall-funeral ta’ Gorbachev.
Vladimir Putin u Mikhail Gorbachev rari kienu jaraw għajn ma’ għajn ma’ xulxin u ħafna Russi, fil-preżent, qed jilmentaw għall-fatt li Putin irrifjuta li Gorbachev jingħata funeral statali.
Dan meta Gorbachev qatt ma żamm lura milli jikkritika l-invażjoni tal-Ukrajna ta’din is-sena mill-qawwiet Russi fejn fisser l-azzjoni militari bħala żball li qered ir-riformi politiċi storiċi li hu stess kien daħħal fir-Russja għexieren ta’ snin ilu.
Hemm min qed jgħid ukoll li Putin ma ħafirha qatt lil Gorbachev talli kien il-Mexxej li falla milli jsalva l-eks Unjoni Sovjetika komunista mill-kroll eventwali, lejn l-aħħar tal-1991.
//= $special ?>

