Internazzjonali

IRAQ: Kalma wara l-ġlied; iżda t-tensjoni għadha hemm

Il-belt kapitali ta’ Bagdad għadha maħkuma mit-tensjoni minkejja li waqaf il-ġlied bejn is-sostenituri tan-naħat politiċi rivali u li segwa ġimgħat ta’ taqlib fejn il-bini tal-Parlament spiċċa diversi drabi l-mira ta’ assedju.

L-inkwiet, li kien jinvolvi wkoll lill-qawwiet tas-sigurtà Iraqqin, seħħ wara li Kap reliġjuż — ikona għall-Musulmani Xiti tal-Iraq – jiem ilu ħabbar li kien qed jirtira mill-politika. L-aħbar  qanqlet ‘terremot’ peress li l-Kap, Moqtada al-Sadr, għandu l-miljuni tas-segwaċi li jqisuh bħala għadu tal-korruzzjoni, il-faqar u l-qgħad li saru jikkaratterizzaw il-ħajja għal ħafna Iraqqin ordinarji.

Intant, is-sostenituri ta’ Sadr qed jidhru li rrispettaw id-direttivi tiegħu biex jersqu lura mill-bini tal-Parlament fejn kienu ilhom jipprotestaw għal ġimgħat, Dan meta l-awtoritajiet għadhom qed jikkalkulaw il-mejtin mill-aħħar ġlied fil-kapitali bejn is-sostenituri ta’ Sadr, l-Iraqqin li jappoġġjaw lill-Iran u l-qawwiet tas-sigurtà tal-Istat.

Sadanittant, it-tensjoni għadha qed tinħass fiz-Zona l-Ħadra fiċ-ċentru ta’ Bagdad – anki jekk il-militar Iraqi neħħa l-curfew li kien effettiv għall-pajjiż kollu.

Fl-aħħar sigħat ukoll issemmiet il-possibbiltà li d-dikjarazzjoni ta’ Sadr li qed jirtira mill-politika kapaċi kienet biss mossa tattika – u meta r-reliġjuż influwenti kien iddikjara l-istess intenzjoni drabi oħra fil-passat.

Għalkemm il-blokk politiku ta’ Sadr rebaħ l-aktar siġġijiet fl-elezzjoni ta’ Ottubru għall-Parlament Iraqi hu baqa’ jirrifjuta li jidħol f’koalizzjoni mat-tieni l-akbar entità politika magħmulha fil-parti kbira mill-Partiti tax-Xiti li huma alleati tal-Iran.

Sadanittant, Moqtada al-Sadr qed itenni li ‘kwalunkwe rivoluzzjoni li hi mtappna bil-vjolenza ma tistax titqies tassew bħala rivoluzzjoni’.