Il-Viċi-President tal-Arġentina, Cristina Fernández de Kirchner, ħelset mill-mewt bi żbrixx meta spiċċat ikkonfrontata minn aggressur armat, f’ħin meta hi kienet iċċirkondata minn folla sostenituri barra d-dar tagħha fi Buenos Aires.
B’xorti tajba, l-arma tan-nar iġammjat proprju waqt li l-aggressur kien qed jimmira direttament għal wiċċha u wara li hu kien laħaq ġibed il-grillu.
Wieħed minn fost il-videos li ħarġu dwar l-inċident wera lin-nies li kienu miġburin barra d-dar ta’ Kirchner bħala turija ta’ appoġġ qed jippruvaw jiffurmaw ‘ħajt’ bejn il-Viċi-President u l-aggressur li kien wasal sa ftit pulzieri biss ‘il bogħod minnha.
Sigħat wara, kien żvelat li l-arma tan-nar inkwistjoni kellha ħames balal fil-klipp u li din, wara, kienet rikoverata ftit metri ‘il bogħod mis-sit tal-attakk
Fil-ħin tal-attakk, Kirchner, li hi wkoll eks President tal-Arġentina, kienet qed tirritorna d-dar minn sessjoni fil-qorti fejn qed tiffaċċja allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni….Allegazzjonijiet li hi qed tiċħad għalihom b’mod kategoriku.
Filwaqt li ċ-ċirkustanzi drammatiċi tal-aħħar sigħat ma kenux iddettaljati mill-awtoritajiet, il-pulizija rnexxielha tarresta lill-aggressur li identifikawh bħala raġel Brażiljan ta’ 35 sena.
Fil-preżent, Cristina Kirchner qed twieġeb għal akkużi li ffrodat lill-Istat fi żmienha bħala President – u meta hi mixlija wkoll dwar sehem fi skema biex il-fondi pubbliċi jkunu ‘ċirklati’ lejn fond privat li kien twaqqaf f’isimha.
//= $special ?>

