Għal Chris Fearne l-iskandlu ta’ Transport Malta huwa biss suppożizzjoni.
Dan ħareġ waqt konferenza tal-aħbarjiet li saret il-Ġimgħa filgħodu fejn saqsejna lid-Deputat Prim Ministru x’pożizzjoni se jkun qed jieħu dwar l-allegazzjonijiet serji li Ministru jew Ministri jinsabu implikati fi skandlu li ppermetta lil xi nies jgħaddu mit-test tal-liċenzja tal-karozza b’mod korrott.
U għalkemm il-Ministru saret referenza għalih taħt ġurament, waqt il-proċeduri li għaddejin fil-Qorti Chris Fearne prova jistaqsi lil Net News jekk nafux min hu dan il-Ministru. Sakemm spiċċa qalilna li din hija biss suppożizzjoni.
Ġurnalist: “Jekk hemm allegazzjoni responsabbalità politika minn dan il-Ministru jew Ministri implikati jridu jintrefgħu. Se tintrefa’ r-responsabbiltà politika jew le? Bħala Deputat PM naħseb tkun tista’ tweġibni għax involut sew fil-kabinett nassumi.”
Fearne: Fuq is-suppożizzjonijiet mhux se nitkellmu. Naturalment bħal ma dejjem jiġri, f’kull każ fejn ikun hemm proċeduri li jimxu skont ir-Rule of Law, mill-Qrati tagħna, fil-konfront ta’ membru tal-Gvern u anki persuna pubblika, dak li hu normali jiġri.
Evidentament skomdu bid-domanda ta’ Net News, Chris Fearne qal biss li dan l-iskandlu huwa suppożizzjoni anki jekk il-provi ħarġu waqt xhieda fil-Qorti.
Net News saqsa wkoll lill-Ministru Owen Bonnici dwar dan il-każ serju li kien għaddej fi Transport Malta.
Ġurnalist: Għandu jkeċċi lill-Ministru konċernat?
Owen Bonnici: “Mhux kwistjoni ta’ opinjoni, imma fatti li l-PM spjegahom meta ħarġet l-istorja”
Sa issa ħadd mill-Ministru tal-Gvern ma ġarr ir-responsabbiltà politika għal dak li kien għaddej fi Transport Malta. Bil-Ministru Miriam Dalli, fil-jiem li għaddew, spiċċat qaltilna li huwa xoghol il-Pulizija li jinvestigaw.
Mill-indikazzjonijiet li ħarġu sa issa jidher li fost l-applikanti li ġew aġevolati kien hemm persuni li kienu qed jaħdmu fil-villa tal-Ministru msemmi fil-Qorti, li sa issa, ħadd ma jaf min hu. Għalkemm skont dak li ħareġ fil-Qorti nhar it-Tnejn, jidher li dawn il-privileġġi kienu qed jingħataw minn għadd ta’ Ministeri.
//= $special ?>