Internazzjonali

L-Istati Uniti: Trump akkużat bħala ‘theddida għad-demokrazija’

Il-President Demokratiku tal-Istati Uniti, Joe Biden, sostna li l-eks President Amerikan Donald Trump u n-nies li qed jixprunaw l-aġenda ta’ Trump bis-slogan ta’ Make America Great Again saru theddida għad-demokrazija f’dan il-pajjiż.

Biden, waqt diskors f’Pennsylvania, qal li s-sostenituri tal-moviment ta’ Trump huma determinati li jitfgħu lill-pajjiż lura. Hu, fl-istess ħin, spjega li ma kienx qed jikkundanna lill-74 miljun Amerikani li vvutaw għal Trump u tenna li l-membri tal-moviment Make America Great Again – meqjusin bħala elementi radikali – huma biss minoranza fost ir-Repubblikani.

Madankollu Biden qed jenfasizza li l-Partit Repubblikan tallum ‘hu ddominat u intimidat’ minn Donald Trump u r-Repubblikani ta’ dan il-moviment u li s-sitwazzjoni trid titqies bħala theddida għall-Istati Uniti.

Min-naħa tiegħu Kevin McCarthy, membru ewlieni tal-Partit Repubblikan u l-House Minority Leader fil-Kamra tar-Rappreżentanti, tenna, waqt diskors separat, li ‘il-President Biden weġġa lir-ruħ ta’ ħafna Amerikani’.

Id-diskorsi saru xahrejn qabel l-elezzjonijiet ta’ nofs il-leġislatura magħrufin bħala midterm u li għandhom jiddeċiedu l-bilanċ tal-poter f’Washington.

U fl-aħħar sigħat, Donald Trump wieġeb għall-attakk verbali ta’ Biden fejn qal li ‘f’każ li hu (Biden) ma jridx – bil-kliem u l-azzjoni — jirristawra l-istatus tal-Istati Uniti bħala l-aqwa pajjiż tad-dinja hu ma jkunx jistħoqqlu li jirrappreżenta lill-poplu Amerikan fil-kariga attwali’.