L-esperti tan-Nazzjonijiet Uniti fil-qasam nukleari fl-aħħar sigħat ikkonkludew l-ewwel spezzjoni fil-faċilità ta’ Zaporizhzhia li tinsab fin-nofsinar tal-Ukrajna u li ilha l-aħħar ġimgħat fiċ-ċentru tal-battalji bla heda bejn it-truppi tar-Russja u l-qawwiet ta’ Kiev.
L-ispezzjonijiet fil-faċilità qed isiru wara li l-ispetturi waslu fis-sit f’nofs il-ġimgħa u meta l-Ewropa – u d-dinja – huma ansjużi li ma sseħħx diżgrazzja nukleari oħra fuq l-istess livell bħall-isplużjoni fl-impjant ta’ Chernobyl ( fl-Ukrajna) matul is-snin tmenin.
Il-qawwiet Russi fil-preżent qed jikkontrollaw il-faċilità ta’ Zaporizhzhia u l-Kremlin ta’ Moska, fl-ewwel kummenti wara l-ispezzjoni, fisser il-ħidma tal-ispetturi barranin bħala ‘ferm pożittiva’.
Min-naħa tiegħu, Rafael Grossi, il-Kap tal-International Atomic Energy Agency (IAEA) li hi l-osservatur tan-NU fil-qasam nukleari, għamilha ċara li l-preżenza tal-ispetturi tal-aġenzija fil-faċilità għandha tkompli. Hu, fl-istess ħin, sostna li ‘dawn l-ispeturi mhumiex se jiċċaqalqu minn hemmhekk’.
Fil-jiem li ġejjin, l-ispetturi għandhom jevalwaw il-kundizzjoni tal-kumpless nukleari fid-dettall filwaqt li jkellmu lill-ħaddiema Ukreni li ilhom żmien joperaw din il-faċilità fost sogru enormi għal ħajjithom.
Iżda waqt li r-Russja qed tidher kuntenta dwart kif mexjin l-ispezzjonijiet, il-President Ukren, Volodymyr Zelensky esprima tamiet li l-ispetturi internazzjonali jaslu għall-konklużjonijiet b’mod oġġettiv ladarba jsiru jafu eżatt dwar iċ-ċirkustanzi fil-faċilità.
Dan meta l-qawwiet Ukreni u l-Armata Russa li qed tokkupa liz-zona ta’ Zaporizhzhia għadhom qed jakkużaw lil xulxin dwar l-azzjonijiet militari li qegħdin iżidu l-element ta’ periklu fl-inħawi.
L-esperti internazzjonali qed jinkwetaw li l-bumbardamenti li għaddejjin fil-madwar tal-kumpless kapaċi jwasslu għal sitwazzjoni li tipproduċi leak ta’ radjazzjoni mill-faċilità – anki jekk ir-reatturi nukleari huma protetti sew minbarra li huma bbażati fuq disinn li jaffordja ħafna aktar sigurtà mill-mudell ta’ Chernobyl.
Madankollu, ir-reatturi jeħtieġu provvista kontinwa tad-dawl biex iżommu bierda u f’każ li dan ma jseħħx hemm kull possibbiltà li mill-kumpless joħorġu d-dħaħen radjuattivi fl-atmosfera – bl-ispetturi qegħdin jistinkaw biex dan ma jseħħ fl-ebda ħin.
//= $special ?>

