Fl-Arthur Ashe Stadium, Rafael Nadal għadda għar-rawnd li jmiss fl-Open tal-Istati Uniti minkejja li f’mument weġġa lilu nnifsu inċidentalment bir-racket tiegħu stess. Erba’ darbiet rebbieħ tal-Open tal-Istati Uniti b’record ta’ 22 grand slam, Nadal ta’ 36 sena rebbieħ tal-Open tal-Awstralja u dak ta’ Franza , għeleb lil Fabio Fognini tal-Italja fejn wara li tilef l-ewwel set 6-2 wettaq reazzjoni immedjata sabiex rebaħ it-tlett sets ta’ wara 6-4, 6-2, 6-1. Huwa weġġa fl-aħħar set meta kien qed jirbaħ 3-0 iżda eventwalment kompla wara li kien immedikat f’imnieħru.
L-aħwa Williams eliminati fid-doubles
Fid-doubles tan-nisa l-attenzjoni kienet fuq l-aħwa Williams. Serena ta’ 40 sena u Venus ta’ 42 sena. Dan se jkun l-aħħar tournament professjonali għal Serena Williams li ħabbret li se tirtira. L-aħwa Williams sfaw eliminati meta tilfu kontra l-koppja tar-Repubblika Ceka, Linda Noskova u Lucie Hradecka li rebħu 7-6 6-4.
