Argument bejn is-sidien ta’ stabbiliment f’Marsaskala u raġel Malti fi Frar li għadda kien wassal għal ġlieda vjolenti li wasslet għal akkużi kontra raġel ieħor li ħarab minn fuq il-post u ġie arrestat erba’ xhur wara f’lido tal-Gżira. F’Ġunju, il-pulizija ġiet infurmata bil-preżenza ta’ Nikola Vujkovic, ċittadin Serb ta’ 33 sena mfittex fuq l-allegat involviment tiegħu f’dik il-ġlieda f’Marsaskala, f’lido ġewwa l-Gżira. Hekk kif spiċċat il-kumpilazzjoni Vujkovic ingħata l-pleġġ taħt diversi kundizzjonijiet.
Filmati tal-arrest tiegħu hekk kif diversi uffiċjali daħlu fuq ir-raġel, fi ġlieda kbira waqt li l-pulizija ppruvaw ipoġġuh mal-art, inxterdet sew fuq il-midja soċjali. Sussegwentement huwa tressaq il-Qorti, u wieġeb mhux ħati li weġġa’ gravi lil ħu sid il-bar waqt l-inċident ta’ Frar, kif ukoll li volontarjament kiser il-paċi pubblika.
Akkużi oħra kienu relatati mal-arrest tiegħu f’Ġunju meta allegatament aggredixxa u rreżista b’mod vjolenti erba’ uffiċjali, li darabhom ħafif u rrifjuta li jobdi ordnijiet leġittimi. Vujkovic kien mixli wkoll li kellu passaport falz u li pprovda dettalji foloz lill-pulizija meta twaqqaf mill-Pulizija Marzu, fil-Mile End, il-Ħamrun.
Meta l-proċeduri komplew, uffiċjal mil-Laboratorju tax-Xjenza Forensika xehdet li kienet inkarigata li tivverifika l-awtentiċità ta’ karta tal-identità u liċenzja tas-sewqan li rriżultat li kienet falza. Żewġ uffiċjali mill-għassa ta’ Ħaż-Żabbar xehdu dwar l-inċident ta’ Frar.
Fis-17 ta’ Frar għall-ħabta tal-10am waslet informazzjoni lill-pulizija ta’ Ħaż-Żabbar dwar ġlieda kbirabarra l-istabbiliment f’Marsaskala. Meta waslu fuq il-post, ix-xhieda semmew kif iltaqgħu ma’ sid il-pub u ħuh, li sostnew li kienu involuti fi ġlieda ma’ barrani li sussegwentement ħarab minn fuq il-post.
Ħu s-sid, kellu d-demm ħiereġ kawża ta’ ferita f’rasu, u wara ttieħed l-isptar b’ambulanza. Diversi persuni dehru jindikaw li l-vjolenza kienet inħolqot minn argument bejn sid il-pub u raġel Malti. Waqt seduta preċedenti, il-vittma kien xehed ukoll dwar kif kien sema’ lil ħuh jitkellem ma’ Malti waqt li kien qed jgħin fil-kunsinna tal-iekl ‘fast food’ fil-ħanut.
“Mur. Issa nċempellek,” qal ħu l-vittma lir-raġel li kien telaq ‘l hemm. Iżda hekk kif kien se joħroġ, huwa allegatament waqaf u sprejja xi ħaġa ħdejn il-bieb. Jistaqsi x’kien qed jagħmel ir-raġel, ħu s-sid tal-bar f’daqqa waħda ħass sensazzjoni ta’ ħruq f’għajnejh u nduna li kellu jkun pepper spray.
Hekk kif ir-raġel ħareġ, il-vittma mar jiġri warajh iżda f’daqqa waħda qala’ daqqa ta’ ponn u ta’ sieq minn aggressur li identifika bħala l-akkużat filwaqt li ħuh żamm lura terza persuna “mhux identifikata” li kellha oġġett tal-metall. L-inċident inqabad fuq CCTV.
Waqt li komplew il-proċeduri, Vujkovic ingħata l-libertà proviżorja mill-qorti kriminali, ippreseduta mill-Imħallef Edwina Grima, li ħarġet ordni ta’ protezzjoni li tipprojbixxi lill-akkużat milli javviċina l-allegat vittma b’xi mod. Huwa ġie ordnat ukoll jiddepożita €5,000, jorbot lilu nnifsu taħt garanzija personali ta’ €10,000, jiffirma l-Għassa tal-Pulizija kuljum u jimxi ma’ curfew bejn id-9pm u s-6am.
L-Ispettur Darryl Farr qed imexxi l-prosekuzzjoni. L-avukati Franco Debono, Marion Camilleri, Rachel Tua u Edmond Cuschieri huma avukati difensuri. L-Avukat Michael Sciriha qed jidher parte civile.
//= $special ?>