Lokali Qorti

Sena ħabs fuq 65 qartas droga eroina u kokaina

Dylan Mifsud, li għandu 27 sena u li jgħix il-Marsa, ġie kkundannat sena ħabs u multa ta’ €700 wara li ammetta quddiem il-Maġistrati Elaine Merceica li kellu fil-pussess u traffika d-droga. Il-każ imur lura għal April li għadda meta waqt li l-Pulizija kienet għaddejja b’ronda fil-Marsa, nnutat karozza abbandunata b’raġel fiha.

Mifsud spiċċa arrestat fit-12 t’April u wara investigazzjoni u tfittxija, fuqu nstabu 65 qartas ta’ droga eroina u kokaina, li jammontaw għal 14-il gramma. Meta tressaq il-Qorti huwa ma kienx ammetta, bid-difiża titlob għall-ħelsien mill-arrest u spjegat li l-imputat ibati mill-vizzju tad-droga u għandu bżonn ħafna għajnuna.

Minbarra li ammetta wkoll li kellu fil-pusses droga mhux għal użu esklussiv tiegħu, huwa kien ġie mixli mill-Ispettur Andy Rotin li sar reċediv. Fid-dawl tal-ammissjoni tal-imputat il-Qorti qalet li hija tal-fehma li l-akkużi fil-konfront tieghu mill-prosekuzzjoni ġew pruvati skond il-ligi.

Rigward tal-piena, l-Qorti, ħadet in konsiderazzjoni ic-ċirkostanzi u n-natura tar-reati li tagħhom l-imputat qed jinsab ħati, il-fatt li rreġistra ammissjoni, liema ammissjoni saret fi stadju aħħari tal-proċeduri fil-konfront tiegħu, in-natura u l-ammont ta’ droga mertu tal-każ.

Qieset ukoll il-fedina penali ta’ Mifsud u l-fatt li għandu problema ta’ dipendenza fuq id-droga u jixtieq li jibda jindirizza din il-problema. Għal dawn il-mottivi din il-Qorti wara li rat l-artikoli 22(1)(a) u 22(2)(b)(i) u (ii)
tal-Kap. 101 tal-Liġijiet ta’ Malta u r-Regolament 9 tal-Leġislazzjoni Sussidjarja 101.02 ikkundanatu għall-piena ta’
sena priġunerija effettiva u multa ta’ €700.

Din il-multa tista’ titħallas b’rati mensili u konsekuttivi ta’ €100 fix-xahar. F’każ li l-ħlas ikun se jsir b’dan il-mod,
l-ewwel pagament għandu jsir fi żmien tliet xhur mill-għoti tas-sentenza u jekk jonqos milli jħallas pagament wieħed, il-bilanċ jigi dovut minnufih u jekk dan ma jitħallasx jiġi konvertit fi priġunerija skont il-liġi.

Skont l-artikolu 533 tal-Kodiċi Kriminali l-Qorti ordnat lil Mifsud sabiex iħallas l-ispejjeż fl-ammont ta’ €1,165.451
konnessi mal-ħatra ta’ l-esperti fi zmien sena mill-għoti tas-sentenza. Il-Qorti talbet ukoll lid-Diretur tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin sabiex jagħti l-assistenza kollha neċessarja lill-imputat sabiex jindirizza u jirriabilità lilu nnifsu mill-vizzju tad-droga. Finalment, il-Qorti ordnat id-distruzzjoni tad-droga ezebita.sa mhux aktar tard minn 15-il jum.