Skiet totali mill-Prim Ministru Robert Abela dwar l-iskandlu tat-testijiet tal-liċenzji fi Transport Malta, meta l-Ġimgħa filgħodu ħa sehem f’xandira li twasslet fuq ir-radju tal-Partit Laburista.
Il-każ tat-testijiet tat-teorija għal-liċenzja tas-sewqan kixef racket ta’ korruzzjoni li allegatament kien jinvolvi 3 ufficjali ta’ Transport Malta li tressqu l-Qorti – Clint Mansueto, Raul Antonio Pace u Philip Edrick Zammit, li lkoll qed iwiegbu mhux hatja.
L-isem tal-Ministru involut għadu ma ħariġx fil-Qorti – imma l-akkużi, u l-mod kif saru l-affarijiet, huma skandalużi.
Mal-Pulizija, Clint Mansueto stqarr li ħassu pressat biex jgħin certu individwi jgħaddu mit-test tal-liċenzja tas-sewqan għaliex dawn kienu qed jaħdmu fil-villa ta’ Ministru partikolari. Issemma’ wkoll kif il-pressjoni fuq TM kienet ġejja minn diversi Ministeri. U quddiem dan kollu, Robert Abela għadu totalment fil-muta u ma ħa ebda azzjoni.
Fuq ir-radju tal-partit tiegħu, il-Prim Ministru rrefera għal-laqgħa tal-Kabinett ta’ nhar it-Tlieta li għadda iżda imkien ma qal jekk qajjimx din il-kwistjoni ta’ Transport Malta u jekk talabx lill-Ministru involut biex jirriżenja sakemm inaddaf ismu.
Din il-ġimgħa, il-Kap tal-PN Bernard Grech saqsa wkoll jekk din “ix-xibka ta’ korruzzjoni” kinitx qed tuża l-istess mudell anke fl-Awtorità tal-Ippjanar. B’Robert Abela fl-ebda waqt tal-intervista ma ċaħad jew wieġeb għal din id-domanda.
Intant, fl-istess intervent fuq ir-radju Laburista, il-Prim Ministru qal li qed iħoss il-polz tan-nies. U fl-istess nifs, ftaħar b’dak li hu sejjaħ tkabbir ekonomiku. Iżda imkien ma semma’ kif se jgħin lill-ħaddiema u lill-familji li bħalissa qed iħossu d-daqqa tal-għoli tal-ħajja, u l-effetti fuq il-kwalità tal-ħajja tagħhom.
//= $special ?>