Għada s-Sibt tiftaħ it-tielet ġurnata tal-Kampjonat BOV Premier b’erba’ logħbiet fi tliet grounds differenti. Fis-18:30 Żebbuġ Rangers jilgħabu kontra Santa Lucia fis-Centenary Stadium fejn iż-żewġ timijiet għadhom qed ifittxu l-ewwel punti tagħhom għal dan l-istaġun.
It-tim ta’ Birkirkara jaffronta lil Floriana, f’logħba li se tintlagħab fl-Istadium Nazzjonali fis-18:30. Birkirkara għandhom punti massimi mill-ewwel żewġ logħbiet wara li għelbu lil Sirens u Żebbuġ R rispettivament. Minn naħa tagħhom Floriana għelbu lil Pietà H fl-ewwel konfront filwaqt li ħadu punt kontra Sirens wara li rkupraw żvantaġġ ta’ żewġ goals.
Fis-18:30 ukoll fit-Tony Bezzina Stadium, Balzan jilgħabu kontra Gudja United. It-tim ta’ Balzan jinsab fl-ewwel post tal-klassifika b’sitt punti, filwaqt li Gudja U għandhom erba’ punti. F’din il-logħba mistenni jidebutta l-player Karl Micallef li ingħaqad mat-tim ta’ Gudja U fl-aħħar ħinijiet wara li kien mistenni li kien se jiffirma ma’ Balzan.
L-aħħar logħba tal-ġurnata se tkun dik bejn Valletta u Sirens li hi skedata fit-Tony Bezzina Stadium fid-20:45. Valletta kellhom bidu tajjeb wara draw fl-ewwel partita kontra Hibernians u rebħa konvinċenti kontra Pietà H. Għal Sirens qed ifittxu l-ewwel rebħa wara telfa u draw fl-ewwel żewġ ħarġiet. Għal Sirens se jkun nieqes Alexander Cini li se jkun qed jiskonta logħba sospensjoni.
Il-Ħadd fl-Istadium Nazzjonali Gżira United jilgħabu kontra Marsaxlokk. Gżira jinsabu b’erba’ punti minn żewġ logħbiet filwaqt li Marsaxlokk għadhom mingħajr ebda punt wara li fl-ewwel logħba tagħhom tilfu kontra t-tim ta’ Mosta. Iż-żewġ klabbs se jkollhom player barrani sospiż għal dan il-konfront, Luis Carlos Riascos għal Gżira u Santiago Adrian Ferraris għal Marsaxlokk.
Fis-19:30 Mosta jiltaqgħu kontra Hibernians fit-Tony Bezzina Stadium. Hibernians se jkunu qed ifittxu l-ewwel rebħa wara draw kontra Valletta u telfa ta’ 4-1 fl-aħħar ħarġa tagħhom kontra Ħamrun S. Minn naħa ta’ Mosta bdew il-kampjonat b’telfa fl-ewwel konfront u rebħa fit-tieni ħarġa kontra Marsaxlokk.
L-aħħar konfront tal-ġimgħa se jkun dak bejn Ħamrun Spartans u Pietà Hotspurs li se jintlagħab fl-Istadium Nazzjonali fid-20:45. Għal Ħamrun S din se tkun it-tieni logħba peress li l-ewwel konfront kontra Marsaxlokk kien pospost u se jintlgaħab nhar l-Erbgħa 7 ta’ Settembru minħabba l-impenji li kellhom fil-Uefa Conference league. Ħamrun S bdew dan l-istaġun b’rebħa konvinċenti kontra ċ-champions preżenti Hibernians. Minn naħa ta’ Pietà H se jkunu qed ifittxu li jtejbu l-prestazzjoni tagħhom wara bidu kemxejn diffiċli b’telfiet kontra Floriana u Valletta.
//= $special ?>