Futbol Sport

Draw ta’ mingħajr goals fid-derby ta’ Merseyside

(Ritratt: EPA)

Everton u Liverpool ħadu punt kull wieħed hekk kif f’Goodison Park spiċċaw fi draw ta’ 0-0 f’dik li kienet il-242 derby fl-istorja. Dan kien riżultat ieħor negattiv għat-tim ta’ Jurgen Klopp hekk kif minn sitt logħbiet rebħu biss darbtejn, ġew draw tliet darbiet u tilfu kontra r-rivali Manchester United. L-istess jista jingħad għal Everton ta’ Lampard li għadhom bla rebħa fil-kapmjonat u għandhom biss erba’ punti.

Fl-ewwel taqsima ż-żewġ timijiet marru viċin li jiftħu l-iskor f’diversi okkażjonijiet fejn l-ewwel kienu Everton permezz ta’ xutt ta’ Tom Davies li ħabat mal-lasta. Liverpool wettqu reazzjoni bil-lasta ċċaħħadhom darbtejn, l-ewwel minn xutt ta’ Darwin Nunez, li qabel ma’ ħabat mal-mimduda kien devjat minn Pickford u ftit wara x-xutt ta’ Diaz ħabat mal-wieqfa qabel mar barra.

Il-logħba żammet l-istess andament fit-tieni taqsima b’opportunitajiet miż-żewġ naħat, biż-żewġ goalkeepers jirnexxilhom jibqgħu mhux megħluba. Fid-69 minuta Everton skorjaw permezz ta’ Conor Caody li kompla ġewwa l-cross-shot tal-akkwist il-ġdid Neil Maupay, iżda wara li kkonsulta l-VAR Anthony Taylor ħassar il-goal. Wara dan Pickford u Alisson wetqu saves importanti fuq Salah u Mc Neil rispettivament biex sat tisfira finali l-iskor baqa’ dak ta’ 0-0.