Luca Vella u Roanna Farrugia jirbħu l-aħħar tellieqa tal-Kampjonat
Birkirkara St Joseph Sports Club ospitat l-aħħar tellieqa tal-Kampjonati Tal-Għawm Open Water fis-Salina l-Erbgħa wara nofsinhar. It-tiġrija 2k għalqet il-Kampjonati Nazzjonali li kienu jikkonsistu f’ħames tiġrijiet ta’ 2 kilometri u tiġrija ta’ 4 kilometri. Il-Kampjonati servew ukoll bħala kwalifikazzjoni għall-għawwiema li għandhom l-għan li jikkompetu fl-għawma fil-fliegu, Garmin Malta – Għawdex – Malta u Garmin Gozo – Malta li jsiru f’Settembru.
L-aħħar tellieqa intrebħet minn Luca Vella. Hu kien segwit minn Tristan Micallef tul id-distanza kollha. Fit-tellieqa ta’ qabel, tliet sekondi biss isseparaw lil Vella minn Micallef, madankollu fl-aħħar tiġrija tal-istaġun, Vella kien determinat li jassigura distakk ikbar fuq Micallef. Vella baqa fuq quddiem biex spiċċa l-ewwel, 26 sekonda distakk fuq Micallef. Fit-tielet post spiċċa Jonathan Sammut.
Intant, Roanna Farrugia u Martina Micallef kienu t-tnejn qed jikkompetu għal rebħa finali. Farrugia kienet it-tielet għawwiema li ħarġet mill-baħar ukoll kienet l-ewwel għawwiema femminili. Micallef spiċċat fit-tieni post, erbgħa u għoxrin sekonda wara Farrugia. Iż-żewġ għawwiema kienu ilhom jiġru wara xulxin għal ħafna mill-istaġun. Fit-tielet post spiċċat Charlotte Spencer.
Kampjonati Nazzjonali
Ma kien hemm l-ebda dubju li l-wirjiet sodi u konsistenti ta’ Dylan Cachia matul l-istaġun kienu se jarawh jieħu t-titlu tal-Kampjonat Nazzjonali, wara li rebaħ it-tiġrijiet kollha tiegħu. Fit-tieni post Luca Vella li wkoll ta wirjiet b’saħħithom, kif għamel ukoll Tristan Micallef. Mill-bidu tal-Kampjonati deher evidenti li dan it-trio aktarx kien ser jidher fuq il-podju finali.
Ir-rebħ tal-kampjonat ta’ Martina Micallef kien riżultat ta’ sfida qawwija, partikolarment ma’ Roanna Farrugia, iżda fl-aħħar kienet Micallef li rebħet l-ewwel kampjonat tagħha. Lara Meli kienet it-tielet mara fuq il-podju. Meli ukoll tat wirja konsistenti.
Il-Membru tal-Kumitat ta’ Birkirkara St.Joseph Sports Club, Joseph Farrugia ppreżenta t-trofej lir-rebbieħa tat-Tlielaq kif ukoll lill-għawwiema li kklassifikaw fl-ewwel postijiet fil-klassifika ġenerali. Ġew ippreżentati wkoll trofej lir-rebbieħa tal-Age Groups fejn l-iżgħar kien Giuseppe Borg ta’ tnax-il sena u l-ikbar atleta kien, Amand Veranneman, ta’ tlieta u sebgħin sena.
Il-Club se jorganizza l-għawm annwali nhar is-Sibt 17 ta’ Settembru meta jsiru l-kompetizzjonijiet tal-għawm Garmin Malta – Gozo – Malta u l-Garmin Gozo – Malta.
//= $special ?>