Lokali Saħħa

“Il-Gvern qed jippermetti kumpanija barranija tagħmel profitt minn flusna, minn kuntratt korrott”

“Il-Gvern qed iħalli kumpaniji barranija privata tagħmel il-qligħ minn fuq dahar il-poplu f’kuntratt mifni bil-korruzzjoni”. Hekk stqarru l-Kelliem għat-Trasport, Mobilta’ u l-Proġetti Kapitali Adrian Delia u l-Kelliem għall-Finanzi Jerome Caruana Cilia.

Adrian Delia u Jerome Caruana Cilia komplew biex jgħidu li Il-fatt li Steward Healthcare Malta għamlu profitt ta’ qabel it-taxxa ta’ €6 miljun ifisser li kellhom iwetqqu l-obbligi kuntrattwali tagħhom. Dawn huma flus li kieku l-Gvern kien jinvesti fil-qasam tas-saħħa u li dawn huma flus li l-Gvern qed iberbaq a skapitu tal-poplu Malti u Għawdxi.

Il-Kelliema stqarru li l-Gvern qed jibqa’ jaħli u jaħraq flus il-poplu fuq ftehim korrott li sar ma’ Vitals Global Healthcare u li mexa għand Steward Healthcare Malta u minflok investiment fil-qasam tas-saħħa, il-Gvern Laburista qed jippermetti qligħ fuq investiment korrott lill-kumpanija barranija f’pajjiżna stess.

Apparti dan, komplew biex jirrimarkaw li dawn huma flus il-poplu li kellhom jintużaw ferm aħjar, partikolarment f’dawn iċ-ċirkustanzi diffiċli. Il-Gvern għandu jwaqqaf dan il-kuntratt fażull immedjatament u jerġa’ jieħu lura t-tmexxija tal-isptar San Luqa, l-isptar Karen Grech u l-uniku sptar Ġenerali f’Għawdex.

Tags