Is-sitwazzjoni fir-residenza ta’ San Vincenz de Paul hija waħda inkwetanti ferm hekk kif kemm il-viżitaturi kif ukoll il-ħaddiema qed jilmentaw fuq il-miżuri l-ġodda li daħlu fis-seħħ.
Wara li fl-aħħar ġimgħat seħħew numru ta’ inċidenti f’din ir-residenza, fosthom l-għajbien ta’ Karmemu Fino, ittieħdu numru ta’ miżuri sabiex tkun assigurata s-sigurta’ tal-anzjani li huma residenti hawnhekk, miżuri li ma tantx niżlu tajjeb magħhom u anke mal-qraba.
Issa t-twieqi f’din ir-residenza huma msakkrin u għall-ebda raġuni ma jistgħu jinfetħu. Din ir-regola daħlet fis seħħ wara li anzjana kienet waqgħet minn tieqa iżda din qed toħloq nuqqas ta ċirkolazzjoni fl-arja. Tant li ħafna pazjenti spiċċaw fi stat vulnerabbli fejn saħansitra wħud mill-pazjenti kellhom jittieħdu l-isptar Mater Dei għal aktar kura.
Barra minn hekk, diversi infermiera jinsabu inkwetati għal familthom minħabba l-mard li jistgħu jkunu qed iġorru minn xogħolhom. Uħud mill-infermiera wkoll spiċċaw mardu serjament kaġun ta’ din il-miżura.
Ilment ieħor huwa rigward il-parkeġġ hekk kif il-parkeġġ kollu fid-dawra tar-residenza m’għadux jista jintuża mill-viżitaturi kaġun ta’ dawn il-miżuri l-ġodda. Il-viżitaturi qed ikollhom jipparkjaw f’parkeġġ li jinsab il-bogħod. U allura, dan mhux tajjeb għal dawk l-anzjani li jżuru l-qraba tagħhom u se toħloq problemi meta jkun hemm il-maltemp fl-istaġun tax-xitwa.
Għalkemm bħalissa is-sitwazzjoni hija waħda diffiċli f’din ir-residenza bosta viżitaturi faħħru l-impenn tal-infermiera meta tiġi għall-kura ta’ dawn l-anzjani.
Bil-viżitatuti jinsistu li l-Gvern għandu jsib soluzzjoni għal dawn il-problemi mill-iktar fis sabiex titjieb is-sitwazzjoni f’din ir-residenza.