Lokali

“Naħsbu għall-futur u mhux biss għall-flus”

“Naħsbu għall-futur u mhux biss għall-flus.” Dan kien l-apell li għamlet l-għaqda Flimkien għal Ambjent Aħjar fid-dawl tal-iżvilupp li qed isir f’pajjiżna u l-ħarsien tal-ambjent. 

F’konferenza tal-aħbarijiet li saret is-Sibt filgħodu fix-Xatt ta’ Ta’ Xbiex, Flimkien għal Ambjent Aħjar u għaxar għaqdiet oħra urew it-tħassib tagħhom dwar l-fatt li s-siti storiċi għandhom ikunu protetti u mhux jibqa’ jsir zvilupp fihom. Barra minn hekk, saħqu li jeħtieġ li ngħożżu l-veduti Maltin iżda aktar ma jgħaddi ż-żmien, dawn aktar qed jonqsu għaliex il-bini dejjem qed jiżdied u dan l-iżvilupp qed ikollu impatt katastrofiku fuq pajjiżna. 

Net News tkellem mal-Koordinatu tal-għaqda Flimkien Għal Ambjent Aħjar Astrid Vella fejn kompliet twassal l-appell tal-istess għaqda. Hija qalet li l-wirt storiku ta’ pajjiżna għandna nippriservawh u mhux neqirduh.

L-akbar inkwiet huwa l-fatt li hemm pjan ta’ żvilupp fuq Manoel Island li huwa wirt storiku dinji. Dan l-iżvilupp jinkludi sular addizzjonali fuq il-Lazzaretto l-eqdem wieħed fl-Ewropa li għadu mibni. 

Barra minn hekk, hemm pjanijiet sabiex jinbnew 300 apartament, ħwienet, ristoranti u kif ukoll lukanda f’Forti Manoel. B’dan l-iżvilupp kollu se jispiċċa jimblokka l-veduta tal-Belt u l-Furjana. 

L-UNESCO qed tisħaq sabiex ikun hemm protokolli ċari tal-kobor tal-bini sabiex ikunu protetti l-veduti preżenti f’pajjiżna. Jekk dan l-iżvilupp fuq Manoel Island ikompli għaddej, l-għaqda saħqet li dan is-sit jista’ jitlef it-titlu tiegħu ta’ wirt storiku.