Minn Ritchie Cassar
Aston Villa 1-1 Manchester City
Manchester City, b’sorpriża, kienu miżmuma, 1-1, minn Aston Villa f’Villa Park – b’dan ikun it-tieni dro għaċ-Champions Ingliżi mill-bidu tal-kampjonat.
L-aħjar azzjonijiet – flimkien mal-gowls seħħew fit-tieni taqsima, b’Erling Haaland ( it-Top Scorer tal-kampjonat) ikun fil-post eżatt biex jikkonkludi akrobatikament (fil-50 minuta) fuq il-kross preċiż ta’ Kevin de Bruyne.
City komplew jagħfsu, b’Haaland ikompli jkun perikoluż u b’de Bruyne anki jolqot il-mimduda minn freekick. Iżda kwarta mit-tmiem, il-Villains salvaw draw improbabbli meta Leon Bailey irċieva mingħand Jacob Ramsey biex spara fis-saqaf tax-xibka għall-gowl tad-dro.
Everton 0-0 Liverpool
Il-programm tal-futbol Ingliż ta’ tmiem il-ġimgħa fetaħ b’derby mill-aktar movimentat f’Goodison Park bejn Everton u Liverpool li spiċċat fi draw ta’ bla gowls.
Iżda l-fatt li ż-żewġ lasti baqgħu intatti żgur li ma jfissirx li l-logħba kienet nieqsa mill-eċċitament, biż-żewġ tims joħolqu diversi azzjonijiet perikolużi – u bil-gowlkipers Jordan Pickford (Everton) u Alisson Becker iwettqu numru ta’ saves spettakulari. Intant, iż-żewġ tims anki laqtu l-lasta ta’ xulxin huma u jfittxu l-iżblokk importanti , u meta l-logħob qaleb kontinwament minn naħa għall-oħra f’logħba li serviet bħala l-aqwa reklam għall-Premier Ingliż..
L-ewwel periklu serju ħolquh Everton, b’Tom Davies jolqot il-mimduda b’xutt b’saħħtu – u bir-Reds, ftit wara, imisshom l-istess destin wara t-tentattivi ta’ Darwin Nunez u Luis Diaz.
Fit-tieni taqsima, iż-żewġ rivali xeħtu kollox fuq l-attakk, b’Jordan Pickford – bla dubju il-plejer tal-logħba – iwettaq save brillanti fuq it-tentattiv ta’ Nunez u bil-ballun iħakkek mal-lasta. Dan minbarra li l-gowlkiper tat-Toffees ċaħad lil Roberto Firmino minn tliet opportunitajiet ta’ skor, bl-interventi f’waqthom.
F’nofs it-tieni taqsima, Everton kienu qed jiċċelebraw il-‘gowl’ ta’ Conor Coady (eks Liverpool) li dawwar għal ġewwa ix-xutt ta’ Neal Maupay, iżda l-VAR iddeċieda li d-difensur tat-Toffees kien spiċċa millimetrikament offside fl-azzjoni.
Everton baqgħu jinsistu u Alisson kellu jinxteħet darbtejn minn tulu biex isalva fuq Maupay u Dwight McNeil – li x-xutt tiegħu deher iddestinat għall-angolu ta’ fuq.
L-aħħar azzjoni insidjuża kienet ta’ Liverpool, bix-xutt ta’ Mohamed Salah jgħaddi minn idejn Pickford u jaħbat mal-wieqfa qabel il-ballun spiċċa klerjat.
Tottenham Hotspur 2-1 Fulham
Tottenham Hotspur żammew ir-rekord ta’ mingħajr telfa mill-bidu tal-istaġun wara li rnexxielhom jegħlbu l-isfida determinata ta’ Fulham, 2-1, f’The New White Hart Lane.
Il-gowlkiper ta’ Fulham, Bernd Leno, kien sfurzat li jagħmel diversi saves tajbin iżda ma seta’ jagħmel xejn fuq it-tentattivi ta’ Pierre-Emile Hojbjerg (40) u Harry Kane (75) – bil-Cottagers jiksbu l-gowl tal-bandiera seba’ minuti mit-tmiem mill-prolifiku Alexander Mitrovic.
Chelsea 2-1 West Ham United
Chelsea biddlu telfa f’rebħa drammatika (2-1) ma’ West Ham United fi Stamford Bridge, bis-sostitut Kai Havertz ikun l-eroj għat-tim ta’ Thomas Tuchel b’first timer mill-isbaħ żewġ minuti mit-tmiem.
Il-gowls kollha waslu fit-tieni taqsima b’Michail Antonio (62) jixħet lill-Hammers fil-vantaġġ fuq kontra-attakk, b’Chelsea jagħmluhom 1-1 minn Ben Chilwell li sab ix-xibka minn pożizzjoni diffiċli. Fl-88 minuta wasal il-mument maġiku ta’ Havertz li kkonkluda fuq il-kross preċiż tal-istess Chilwell.
Fl-aħħar sekondi tal-logħba kien hemm aktar mumenti drammatiċi, b’Maxwell Cornet (90) isammar ġewwa minkejja li ssikkat minn Mendy — iżda r-referi, wara li kkonsulta l-monitor, iddeċieda li l-‘gowl’ sar possibbli wara fawl fuq il-gowlkiper ta’ Chelsea.

Brentford 5-2 Leeds United
Brentford komplew bil-bidu brillanti tal-istaġun b’rebħa kbira, 5-2, fuq Leeds United fil-Community Stadium. Intant, kellu jkun hat-trick ta’ Ivan Toney li kkundanna lill-Yorkshiremen għat-tieni telfa konsekuttiva barra minn darhom.
Il-Bees marru fil-vantaġġ b’penalty ta’ Toney (30) ,bl-istess plejer jirdoppja fit-43 minuta u b’Leeds inaqqsu d-distakk qabel il-mistrieħ minn Luis Sinisterra.
Fit-tieni taqsima, Toney għeleb lill-ġdid lill-gowlkiper Meslier (58) għall-hat-trick personali, b’Leeds, imbagħad, jagħmlu l-iskor 3-2 minn Marc Roca (79). Madankollu, Brentford wieġbu b’żewġ gowls oħra, ta’ Bryan Mbeumo (80) u Yoane Wissa (91) biex issiġillaw rebħa oħra għat-tim ta’ Thomas Frank.
Newcastle 0-0 Crystal Palace
Newcastle United u Crystal Palace spiċċaw fi dro, 0-0, f’St James Park, bl-aktar mument jaħraq f’din il-logħba jkun il-‘gowl’ tal-Geordies li spiċċa mħassar mill-VAR. Id-deċiżjoni – li ma ntlaqgħet xejn tajjeb mis-sapporters ta’ Newcastle – kienet li l-attakkant tal-Geordies, Joe Willock, iffawlja lill-gowlkiper Vicente Guaita fil-ħin meta d-difensur ta’ Palace, Tyrick Mitchell, kien xeħet il-ballun fix-xibka tiegħu stess għal dak li deher bħala awtogol.
Nottingham Forest 2-3 Bournemouth
Bournemouth – jiem wara li keċċew lill-manager Scott Parker – kisbu rebħa eċċitanti għand Nottingham Forest fis-City Ground u għal riżultat li jtaffi xi ftit mill-paniku fost id-diriġenti tal-klabb wara l-massakru tal-ġimgħa l-oħra ( 0-9) għand Liverpool.
Ir-rebħa kienet tinvolvi ‘comeback’ impressjonanti, b’Forest jiksbu vantaġġ doppju sal-mistrieħ minn Kouyate (33) u Johnson ( 45+2, minn penalty) – u biċ-Cherries jidhru tim għal kollox trasformat fit-tieni 45 minuta fejn qalbu r-riżultat bi tliet gowls minn Philip Billing ( 51), Dominic Solanke (63) u Jaidon Anthony (88), li ma żbaljax fuq l-assist ta’ Solanke għat-3-2 finali.
Wolves 1-0 Southampton
Wolves kisbu l-ewwel rebħa tal-istaġun għall-ispejjeż ta’ Southampton grazzi għal Daniel Podence li skorja gowl opportunist lejn l-aħħar tal-ewwel taqsima li ftit kienet ipproduċiet perikli għaż-żewġ lasti.
L-azzjoni deċiżiva f’Molineux waslet meta Matheus għadda l-ballun lil Podence – bil-winger ta’ Wolves jegħleb lill-gowlkiper Bazunu għall-gowl tal-logħba. Fl-aħħar ħinijiet, ir-referi John Brooks ħassar ġustament il-‘gowl’ ta’ Che Adams wara li l-attakkant tas-Saints kien uża idejh biex jisforza l-ballun ġewwa minn fuq il-linja fatali.
//= $special ?>