Minn informazzjoni li għadha kemm waslitilna jidher li Liam Vidal, raġel ta’ 41 sena, resident Ta’ Xbiex jinsab fil-periklu tal-mewt wara li sofra ħruq estensiv f’nirien li ħakmu karozza fi Triq il-Lanċa fl-inħawi ta’ Marsamxett fil-Belt Valletta.
Immedjatament fuq il-post waslu membri tal-protezzjoni ċivili, numru ta’ pulizija kif ukoll ambulanza sabiex tassisti lill-vittma li jidher li huwa raġel. Iktar tard huwa ttieħed l-Isptar Mater Dei għal iktar kura fejn jidher li sofra ġrieħi serji u jinsab fil-periklu tal-mewt.
Persuni li tkellmu ma’ Net News qalulna li għall-ħabta tad-9.15 raw daħna kbira… daħna li saħansitra dehret min-naħa ta’ Tigne.
Kelliem għall-Pulizija qalilna li s’issa għadu mhux magħruf x’wassal biex il-karozza tieħu n-nar.
Il-Maġiistrat tal-Għassa Yana MIcallef ħatret inkjesta rigward dan il-każ bl-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan l-inċident għadhom għaddejjin.

Fl-aħħar siegħat kienu ħafna, kemm ħbieb kif ukoll qraba, li fuq il-mezzi soċjali awguraw lil Liam fejqan ta’ malajr.