Ewropa Lokali

Roberta Metsola: “Id-Dinja teħtieġ Ewropa fl-aqwa tagħha”

“Id-dinja teħtieġ Ewropa fl-aqwa tagħha għax l-Ewropa hija tama.” Dan intqal mill-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola meta ndirizzat il-konferenza ta’ Estoril, f’Lisbona.

Fid-diskors tagħha, Roberta Metsola qalet li l-Ewropa kapaċi tegħleb l-isfidi globali.

Ma naqasx ukoll li titkellem dwar il-gwerra li għaddejja bħalissa fl-Ukrajna. Hija faħħret ir-rispons tal-Ewropa hekk kif l-Ukrajna ngħatat għajnuna militari, għajnuna finanzjarja kif ukoll l-istatus ta’ kandidat għas-sħubija fl-Unjoni Ewropea. Dawn l-azzjonijiet kollha kienu neċessarji għaliex bħall-Ewropa, l-Ukrajna wkoll teħtieġ it-tama.

Hija ndirizzat ukoll il-problema preżenti tal-inflazzjoni hekk kif diversi ċittadini mhux qed ilaħħqu mal-għoli tal-ħajja. Metsola saħqet li l-Ewropa għandha tilqa’ għal din l-isfida fejn l-unika triq ‘il quddiem hija tal-għaqda bejn il-pajjiżi.

Waqt id-diskors tagħha hi semmiet soluzzjonijiet sabiex titjieb din is-sitwazzjoni fosthom li jkun hemm limitu massimu fuq il-prezz tal-kontijiet tal-elettriku  iżda qalet ukoll li hemm bżonn pjan fit-tul sabiex l-Ewropa tkun tista’ tegħleb l-isfidi kollha li qed taffaċċja.

Roberta Metsola insistiet li hemm bżonn li titħalla Ewropa xierqa għall-ġenerazzjoni li jmiss u li ma mmorrux lura għall-burokrazija għaliex tkun diffiċli biex din tingħeleb.

Hija kkonkludiet id-diskors tagħha billi qalet li tinsab mimlija tama li d-dinja ta’ għada għandha tkun aħjar għal dawk li se nħallu warajna.