Lokali Qorti

Arrestat wara sejba ta’ boroż mimlija droga f’San Pawl il-Baħar

Ingliż ta’ 20 sena residenti San Pawl il-Baħar, ġie arrestat il-bieraħ b’rabta ma’ allegat pussess u traffikar ta’ droga, suspettata kannabis.

Għall-ħabta 11:30am, pulizija li kien qiegħed ronda fil-Wardija nnota vettura Ford Transit li dehret suspettuża. Wara li għamel ftit ħin isegwi l-vettura, il-pulizija waqqafha fi Triq il-Fortizza. Hemmhekk huwa talab lix-xufier id-dettalji
tiegħu u kien hawn li r-raġel beda jaġixxi b’mod suspettuż.

Għaldaqstant saret tfittxija fil-vettura u fuq in-naħa ta’ wara nstabet borża sewda u fiha kien hemm żewġ boroż trasparenti mimlija sustanza suspettata kannabis. Minnufih, intalbet l-assistenza tal-Pulizija tad-Distrett tal-Qawra fejn minn aktar tfittxijiet li saru fil-vettura nstab miżien żgħir kif ukoll diversi boroż żgħar tal-plastik. Aktar tard saret tfittxija fir-residenza taż-żagħżugħ fejn instabu erba’ mobiles u ammont ta’ flus kontanti.

Il-Maġistrat tal-Għassa Yana Micallef Stafrace ġiet infurmata bis-sejba u ħatret inkjesta filwaqt li r-raġel ittieħed il-lock-up tal-Pulizija fil-Furjana għal aktar stħarriġ.