Sport Sport Ieħor

El Diablo jkomplu bid-dominanza fit-tieni ġurnata tal-Kampjonat tal-Powerboats

El Diablo komplew bid-dominju tagħhom fil-Voomquest Enemed V2 Powerboat Championships GP3 f’Cervia

Sa ‘ssa jidħer li m’hemm xejn li ser jwaqqaf lil El Diablo hekk kif kisbu rebħa oħra fit-tieni jum tat-tielet Grand Prix tal-Kampjonati Voomquest Enemed V2 Powerboat 2022 f’Cervia, l-Italja.

Il-kundizzjonijiet tat-temp, b’mod partikolari tal-baħar, aktar kmieni fil-ġurnata xekklu l-isforzi tal-prattika iżda t-timijiet setgħu jlestu t-taħriġ tagħhom. It-tbassir għal wara nofsinhar rat it-tellieqa tibda siegħa qabel u n-numru ta’ dawriet niżel għal 9 mit-12 oriġinarjament ippjanati.

Ma kien hemm l-ebda tibdil fil-pjazzamenti mir-riżultati tal-bieraħ, b’Clive Butler u El Diablo ta’ Sammy Grima, komplew jieħdu l-punti massimi għal darb’oħra. Warajhom kien hemm l-entratura wild card Chaudron misjuq mill-fundatur ta’ Voomquest Aaron Ciantar u l-ko driver sostitut Jurgen Camilleri wara li Ryan Micallef sofra ġrieħi ħfief waqt it-tellieqa tal-bieraħ. It-tielet post tal-podju tal-ġurnata kien Interceptor Remax misjuq minn Michael Xuereb u Sam Howes.