Lokali

“Gvern li ma jistax jitwemmen u jiġi fdat fejn jidħol is-settur tal-enerġija” – PN

Il-ftehim bejn il-Gvern Malta u s-Socar li ġie żvelat illum, grazzi għall-ħidma ta’ The Daphne Caruana Galizia Foundation u l-ġurnalisti ta’ The Shift News, ikompli jikxef is-serq u l-korruzzjoni marbut mal-proġett tal-power station tal-Electrogas.

Dan ħareġ fi stqarrija mill-Kelliem għall-Enerġija u l-Intrapriża, Mark Anthony Sammut f’isem il-PN fejn tkompli tgħid li l-proġett li biex sar infetħu kumpaniji l-Panama, saru garanziji bankarji bla preċedent li rriskjaw l-ekonomija ta’ pajjiż sħiħ, intrabatna li nixtru elettriku bil-għoli, intrabatna li nixtru l-gass bil-għoli, tfarrku l-istituzzjonjiet ta’ pajjiżna u fuq kollox inqatlet ġurnalista. Dan kollu biex ftit nies jieħdu €5,000 kuljum f’kumpaniji sigrieti.

Il-ftehim jikxef li l-Gvern Malti ta garanzija mingħajr ebda kundizzjoni li l-poplu Malti jerfa’ d-djun kollha li l-Electrogas setgħet tagħmel mas-Socar. Dan apparti l-garanzija ta’ €432 miljun li diġa’ kienet ġiet żvelata snin ilu.

Mhux ta’ b’xejn li l-Gvern għamel minn kollox biex jaħbi dan il-ftehim u rrifjuta li jippreżentah fil-Parlament. Anzi, f’mistoqsijiet parlamentari fil-15 u 22 ta’ Ġunju tal-2015, gideb u apparti li rrifjuta li jippubblikah, qal li dan il-ftehim qed jiġi diskuss mal-Kummissjoni Ewropea. Illum qed insiru nafu li dan il-ftehim mhux talli ma ġiex diskuss mal-Kummissjoni, talli ġie moħbi minnha minħabba l-biża’ li jmur kontra r-regoli u l-prinċipji Ewropej, bil-konsegwenzi kollha li din id-deċiżjoni tista’ ġġib magħha.

Dan kollu jkompli juri kemm dan il-Gvern ma jistax jitwemmen u ma jistax jiġi fdat fejn jidħol is-settur tal-enerġija. Ma nistgħu noqogħdu fuq l-ebda ċifra u l-ebda kalkolu li jagħtuna Roberta Abela u l-Ministru Miriam Dalli, sakemm ma jippubblikawx kull kuntratt u kull ftehim marbut ma dan is-settur.

Mill-korruzzjoni marbuta ma’ dan il-proġett, u l-commissions li ħadet is-Socar fuq il-gass f’dawn is-snin, il-Ministru Clyde Caruana kien ikollu ħafna iżjed mill-€200 miljun li llum qed jipprova jsib billi jaqta’ l-ħalib lill-ħaddiema u jnaqqas il-fondi mill-edukazzjoni Universitarja ta’ uliedna.