Ħames żgħażagħ, li l-etajiet tagħhom tvarja bejn id-19 u s-26 sena, ammettew għal attentat ta’ serqa f’kumpless ta’ mħażen fl-inħawi tal-Moll tal-Ħatab, il-Marsa.
Iż-żgħażagħ Etienne Buttigieg, Eman Neil Galdes, Kyle Micallef, Neil Zammit u Owden Caruana Smith ammettew għall-akkużi miġjuba kontrihom rigward din is-serqa.
Is-Sibt li għadda, għall-ħabta tas-1am, il-Pulizija waslitilha informazzjoni li kienu dehru xi rġiel suspettużi viċin dawn l-istess mħażen, b’riżultat li l-Pulizija mir-Rapid intervention Unit marru minnufih fuq il-post.
Meta waslu l-Pulizija arrestat ħamest irġiel li kienu lebsin ilbies skur u ingwanti. Apparti minn hekk, il-Pulizija sabu wkoll marki friski ta’ sgass ma’ żewġ imħażen, kif ukoll bolt cutters kbar, bl-għan li jintużaw għal din is-serqa.
Minufih bdew l-investigazzjonijiet rigward dan il-każ mid-Distrett tal-Ħamrun u rriżulta li ż-żgħażagħ allegatament serqu mill-istess imħażen ftit tal-ġranet qabel.
Erba’ miż-żgħażagħ ingħataw il-libertà b’diversi kundizzjonijiet. Madankollu, Neil Zammit inżamm arrestat minħabba li qabel dan il-każ diġa’ kien xellef difrejh mal-ġustizzja.
//= $special ?>