Internazzjonali

Il-Gwerra fl-Ukrajna:  Zelensky jakkuża lir-Russja dwar pjan biex tinqered il-ħajja normali tal-Ewropej

Ir-Russja qed taspira li teqred l-istil ta’ ħajja ta’ kull ċittadin u ċittadina tal-Ewropa waqt li qed tfassal politika intiża biex tixpruna l-faqar u l-kaos politiku bħala arma tal-gwerra.

Dan qalu li l-President tal-Ukrajna, Volodymyr Zelensky, li saħaq li l-Kremlin ta’ Moska qed jipprova jiżra l-ħsara u l-qerda ma’ kullimkien ‘waqt li jipprova jilħaq iz-zoni ‘il hinn mill-Ukrajna li ma jistax jolqot bil-missili konvenzjonali’.

Zelensky qal dan il-kliem ftit sigħat wara li r-Russja kkonfermat li l-pipeline ewlieni tal-gass lejn l-Ewropa mhux se jerġa’ jiftaħ skont il-pjan oriġinali.

Min-naħa tagħha, l-Ewropa qed takkuża lir-Russja b’li qed tuża l-provvisti tal-gass tagħha biex tirrikatta lill-pajjiżi tal-Punent anki waqt li qed tiġġieled il-gwerra attwali fl-Ukrajna.

Il-prezzijiet tal-enerġija sparaw ‘il fuq madwar l-Ewropa mindu l-qawwiet Russi invadew l-Ukrajna fl-24 ta’ Frar,.Sadanittant, l-iskarsezza tal-provvisti mistennija jkomplu jżidu l-prezzijiet tal-enerġija għal kull Gvern u ċittadin tal-Ewropa, fost l-inkwiet li l-familji fl-Unjoni Ewropea mhumiex se jaffordjaw li jżommu d-djar tagħhom sħan matul ix-xitwa.

Fl-istess ħin, il-Gvernijiet madwar il-kontinent qed jikkunsidaw il-miżuri li jistgħu jieħdu biex jindirizzaw il-kriżi – bil-Ġermanja, li hi fost l-aktar pajjiżi milqutin f’din is-sitwazzjoni, tħabbar pakkett tal-għajnuna ekwivalenti għal aktar minn 60 biljun ewro biex tgħin lill-poplu.

 Il-Kanċillier tal-Ġermanja, Olaf Sholtz, intant, qal li r-Russja mgħadhiex sieħba li wieħed għandu jorbot fuqha fil-qasam tal-enerġija.

F’dawn il-ġimgħat, l-Ewropa kompliet taħdem fuq pjani u inizjattivi biex ma tibqax daqshekk dependenti fuq il-provvisti tal-gass mir-Russja – u meta l-pagamenti għal dan ir-riżors essenzjali qed jiffinanzjaw indirettament il-gwerra tal-Kremlin fl-Ukrajna.

Madankollu, id-dikjarazzjoni tal-Gazprom — il-kumpannija tal-enerġija Statali, —  li qed tagħlaq il-pipeline tan-Nord Stream 1 b’mod indefinittiv lanqas ma kienet sorpriża għall-Mexxejja tal-Ewropa. U fl-aħħar sigħat, il-President tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, Charles Michel, qal li dawn il-passi mgħandhomx jibdlu d-determinazzjoni tal-Ewropa li ssir indipendenti mill-aspett tal-enerġija.

Ir-Russja ċaħdet li qed tuża l-provvisti tal-enerġija bħala arma ekonomika kontra l-pajjiżi tal-Punent li qegħdin jappoġġjaw lill-Ukrajna f’din il-gwerra.

Iżda fil-verità, l-istqarrija tal-Gazprom ingħatat ftit wara li l-pajjiżi tal-G7 kienu qablu biex jillimitaw il-prezz taż-żejt impurtat mir-Russja permezz ta’ sistema magħrufa bħala price capping. Dan qed isir bħala turija oħra ta’ appoġġ lill-Ukrajna mingħand l-aktar seba’ pajjiżi industrijalizzati li huma l-Istati Uniti, ir-Renju Unit, il-Kanada, Franza, il-Ġermanja, l-Italja u l-Ġappun.