Artiklu: Stewart Said
“Ili ngħidha żmien, ħafna nies ma jaqblux miegħi imma naħseb li ħafna nies se jkollhom jaqblu miegħi. Il-waterpolo għandu jkun meqjus l-isport nazzjonali ta’ Malta.” Kliem il-President tal-ASA Joe Caruana Curran wara r-rebħa tat-tim nazzjonali Malti kontra s-Slovenja, liema rebħa fissret li Malta assigurat post mal-aqwa 14 fl-Ewropa.
Il-President tal-ASA qal li meta wieħed jara t-12-il post miksub mit-tim nazzjonali ta’ taħt is-16-il sena fil-Kampjonat tad-Dinja, dan ir-riżultat u l-parteċipazzjoni tat-tim ta’ taħt id-19-il sena fil-Kampjonat Ewropew, ftit ftit ikollhom jaqblu miegħu għaliex il-waterpolo hu sport li qed jagħmel il-poplu kburi.
Joe Caruana Curran kompla li dawn ir-riżultati jkomplu jqawwu qalb l-ASA u dawk involuti anki meta wieħed jikkunsidra li hemm elementi żagħżugħa f’din l-iskwadra stess. “Importanti li l-isforz ta’ kulħadd ikompli biex inserrħu moħħna għall-futur bi skwadri kompetittivi. Nispera li fis-snin li ġejjin inkompli niksbu riżultati importanti,” saħaq Caruana Curran.
Caruana Curran qal li speċjalment meta wieħed iqis it-tliet konfronti qabel dan il-konfront, il-prestazzjoni ma kinitx li wieħed xtaq. Dan minħabba li fi kliemu, meta jkun hemm mira ġdida, tiġi kemm kemm iktar diffiċli. Iżda hu sostna li min ra l-logħba, induna li bħala tim konna superjuri għalihom u saħaq li d-differenza bejn it-tnejn ntweriet fl-aħħar sessjoni.
//= $special ?>