Futbol Sport

Milan jirbħu d-Derby della Madonnina

(Ritratt: EPA)

F’atmosfera tipika ta’ derby bejn Milan u Inter kienu Milan ta’ Pioli li ħadu t-tliet punti meta ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 3-2.

Kienu Inter li fethu l-iskor fil-21 minuta permezz ta Marcelo Brozovic li għeleb lil Maignan wara pass ta’ Correa. Milan ġabu l-iskor indaqs minn azzjoni li bdiet bi żball ta’ Chalhanoglu li l-pass ħażin tiegħu spiċċa għand Tonali li għadda ‘l quddiem lejn Rafael Leao u b’xutt bix-xellug għeleb lil Handanovic. L-ewwel taqsima spiċċat fi draw ta’ 1-1.

It-tieni taqsima żammet l-istess ritmu għoli u Milan marru għall-ewwel darba fil-vantaġġ fl-54 minuta meta minn kross tal-plejer tal-logħba Leao kien Oliver Giroud li tefa’ ġewwa. Għaddew biss sitt minuti u Milan għamluhom 3-1. Groud irreċiproka b’pass lejn Rafael Leao li għadda bejn żewġ difensuri ta’ Inter u b’xutt fil-baxx għeleb lil Handanovic. Il-logħba ma’ kienetx għada spiċċat għax fis-67 minuta Inter reġgħu daħlu fil-logħba meta l-kross ta’ Matteo Darmian sab lil Edin Dzeko li b’xutt bix-xellug u mgħejjun mill-wieqfa għeleb lil Maignan. L-isforzi ta’ Inter kienu kolha għal xejn u l-iskor sat tisfira finali baqa’ dak ta’ 3-2 għal Milan.

Rafael Leao jiskorja t-tielet goal ta’ Milan (Ritratt: EPA)