Futbol Sport

Premier League Ingliż: Brighton jaqbżu r-raba’ għall-ispejjeż ta’ Leicester City

Minn Ritchie Cassar

Brighton and Hove Albion telgħu r-raba’ fil-klassifika wara rebħa impressjonanti, 5-2, fuq Leicester City – u għal riżultat li jqiegħed f’dubju kbir il-futur tal-manager tal-Foxes Brendan Rodgers.

Il-konfront fl-Amex Stadium beda b’gowl sorpriża ta’ Leicester wara biss 51 sekonda, meta Kelechi Iheanacho ma żbaljax fuq il-‘pull-back’ ta’ Patson Daka. Il-vantaġġ dam biss tmien minuti, b’Solly March, bir-ras, jagħmilhom 1-1, bil-ballun jaħbat mad-difensur Luke Thomas qabel spiċċa fix-xibka ta’ Ward.

Fil-15-il minuta, is-Seagulls marru fil-vantaġġ meta Maddison Enock Mwepu approfitta mill-iżball ta’ James Maddison u għadda l-ballun lil Moises Caicedo li mill-ġdid għeleb lil Ward b’xutt preċiż. Intant, l-iskor sar 2-2 meta Youri Tielemans, għadda ballun fit-tul lil Daka (32) li żgiċċa t-tackle ta’ Lewis Dunk għall-parità ta’ Leicester 2-2.

Fit-tieni taqsima, Brighton kellhom ‘gowl’ ta’ Alexis MacAllister imħassar mill-VAR iżda s-Seagulls, wara, ġabu kompletament fix-xejn lil Leicester bi tliet gowls oħra.

It-tielet gowl għalihom kien skurjat minn Leandro Trossard (64) li għeleb lil Ward minn angolu diffiċli, b’MacAllister jagħmilhom erba’ minn penalty għal fawl fuq Trossard fil-kaxxa. Brighton ma waqfux hawn, u fil-ħin miżjud MacAllister sab ix-xibka mill-ġdid bi freekick brillanti għall-5-2 finali. B’dan ir-riżultat Leicester jinsabu l-aħħar fil-klassifika tal-Premier League b’punt wieħed biss minn sitt logħbiet.Enter