Minn Ritchie Cassar
Manchester United kisbu rebħa diffiċli iżda meritata (3-1) fuq Arsenal, il-liders tal-Premier League, u li kienet anki r-raba’ rebħa konsekuttiva għat-tim ta’ Erik ten Hag wara l-bidu diżastruż għar-Red Devils, li kienu bdew l-impenji tal-istaġun b’żewġ telfiet ma’ Brighton u Brentford.
Ir-rebħa tfisser li Arsenal ġarrbu l-ewwel telf ta’ punti mill-bidu tal-kampjonat wara ħames rebħiet konsekuttivi, iżda l-Gunners għadhom l-ewwel fil-klassifika, b’vantaġġ ta’ punt fuq iċ-Champions, Manchester City u Tottenham Hotspur.
Dan il-konfront mistenni beda b’ritmu veloċi, b’Manchester United joħorġu fuq l-attakk u b’Arsenal jibbażaw fuq il-possession football effettiv li għenhom jiksbu l-punti massimi qabel l-impenn f’Old Trafford.
Wara perjodu inizjali ta’ pressjoni minn United, Gabriel Martinelli għeleb lill-gowlkiper David de Gea fuq kontra-attakk – iżda l-VAR ġustament ħassar il-gowl minħabba li l-azzjoni saret possibbli permezz ta’ fawl ċar ta’ Martin Odegaard fuq Christian Eriksen.
Arsenal komplew bil-logħob impressjonanti waqt li ħadu kontroll f’nofs il-grawnd iżda kienu United li żblukkaw ir-riżultat meta Antony dos Santos – eks plejer ta’ Ajax Amsterdam li kien qed jiddebutta għar-Red Devils – sab l-ispazju fuq il-lemin (35) u għeleb lill-gowlkiper Ramsdale għall-1-0.
Il-bidu tat-tieni taqsima kienet kollha ta’ marka Arsenal b’United ikollhom jiddefendu bis-sħiħ kontra l-inkursjonijiet u l-pressing ta’ Saka u Gabriel Jesus.
Id-dro kien fl-ajru u wasal mas-siegħa logħob meta Bukayo Saka sab ix-xibka b’xutt fil-baxx wara indeċiżjoni mid-difensuri tar-Red Devils.
Iżda proprju f’ħin meta l-logħba dehret li kellha taqleb favur il-Gunners, United mill-ġdid kisbu l-vantaġġ, meta, minn pass meqjus ta’ Bruno Fernandes, Marcus Rashford kellu ħin biżżejjed biex javvanza waħdu u jegħleb lil Ramsdale għat-tieni gowl tal-Mancunians.
Arsenal ippruvaw iwettqu reazzjoni iżda bdew iħallu kontinwament l-ispazji fid-difiża …Dan kien żball kbir mill-manager Mikel Arteta u li minnu reġgħu approfittaw United li skurjaw it-tielet gowl permezz ta’ azzjoni kważi ‘carbon-copy’ tat-tieni wieħed.
Dan meta Fernandes mill-ġdid ipprovda ballun perfett li qabad lid-difiża tal-Gunners fuq sieq waħda, b’Eriksen javvanza u jiġbed lil Ramsdale għal fuqu qabel għadda l-ballun lil Rashford li għalaq kull diskors b’tap-in faċli.
Din kienet l-ewwel doppjetta għal Marcus Rashford f’logħba tal-kampjonat minn Diċembru tal-2020 – b’Manchester United issa jaqbżu fil-ħames post tal-Premier League u fejn qegħdin iħarsu lejn il-futur b’ottimiżu kbir.
//= $special ?>