Is-Segretarju tar-Renju Unit għall-Affarijiet Barranin, Liz Truss, qalet li għandha pjan ‘effettiv’ biex ittaffi l-ispejjeż tal-enerġija li sparaw ‘il fuq fl-aħħar ġranet u li qegħdin jimponu piż kbir għall-familji u l-intrapriżi.
Truss hi l-favorita assoluta li, illum, tkun ikkonfermata Kap tal-Partit Konservattiv u effettivament bħala Prim Ministru ġdid tar-Renju Unit wara r-riżenja ta’ Boris Johnson, ġimgħat ilu. Fil-fatt, l-indikazzjonijiet fl-aħħar fażi tat-tellieqa għal min se jilħaq Kap tat-Tories, kienu qed juru lil Truss b’vantaġġ tajjeb fuq l-isfidant Rishi Sunak – li min-naħa tiegħu qed iwiegħed li jintroduċi aktar ‘pagamenti’ lill-aktar setturi vulnerabbli tas-soċjetà.
Liz Truss sostniet li se tieħu ‘azzjoni immedjata’ biex il-poplu jiflaħ aħjar għall-kontijiet tal-enerġija iżda qalet ukoll li hi se tkun teħtieġ li ‘tikkunsidra l-affarijiet fir-rwol ta’ Prim Ministru’ bil-għan li timplimenta l-aktar azzjoni effettiva.
Għada t-Tnejn jingħata l-verdett finali dwar min minn Truss u Sunak se jkun il-mexxej ġdid tal-Partit Konservattiv. Ir-rebbieħ, min-nhar it-Tlieta, għandu jieħu post Boris Johnson fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru f’10 Downing Street, f’Londra.
F’din it-tellieqa li ilha għal ġimgħat Truss u Sunak spiċċaw taħt pressjoni biex jispjegaw proprju kif għandhom jipproteġu l-familji mill-kontijiet tal-enerġija eżaġerati. Żdiedu wkoll is-sejħiet biex il-Gvern jgħin aktar lin-negozji u lill-intrapriżi li mhumiex koperti mis-sistema domestika li timponi l-limiti fuq il-prezz ta’ dan ir-riżors.
Liz Truss qalet li kull azzjoni effettiva fir-rigward tal-kontijiet tal-enerġija għandha tkun ‘vitali’ għan-nies u li r-Renju Unit sar wisq dipendenti fuq il-prezzijiet tal-enerġija internazzjonali. Rishi Sunak, intant, qal li jridu jingħataw aktar sussidji tal-enerġija lill-pensjonanti u ċ-ċittadini bi dħul baxx milli jesiġi l-pakkett tal-għajnuna li hu stess kien introduċa fi żmienu bħala Ministru tal-Finanzi.
//= $special ?>

