Sport Waterpolo

Sempliċiment Fantastiċi … It-tim nazzjonali jikteb paġna storika fl-istorja tal-waterpolo Malti

(Ritratt: LEN)

Artiklu: Stewart Said

MALTA……………. 13

SLOVENJA………. 9

(3-2), (2-3), (3-3), (5-1)

L-ambizzjoni f’dan il-Kampjonat Ewropew kien li jiġi mtejjeb il-15-il post miksub fl-edizzjoni ta’ sitt snin ilu. Din ir-rebħa tfisser li t-tim Malti se jilgħab kontra l-Ġermanja għal min jispiċċa fit-13 u l-14-il post u għalhekk ifisser li l-mira ntlaħqet.

Prestazzjoni oħra pożittiva għat-tim Malti għalkemm f’mumenti deher li t-tajjeb li sar seta’ jintilef. Iżda fattur importanti kien li t-tim Malti qatt ma kien minn taħt fil-logħba. Fost il-plejers, spikkaw Dino Zammit u Liam Galea. Partita tajba wkoll għal Ben Plumpton u Nicholas Bugelli. Din ir-rebħa tfisser ukoll l-ewwel rebħa għat-tim nazzjonali Malti fil-ħin regolamentari waqt il-fażi finali.

It-tim Malti fetaħ il-logħba bl-aħjar mod u kiseb vantaġġ doppju permezz ta’ Matthew Zammit minn penalty u Ben Plumpton minn man-up. Is-Sloveni naqqsu d-distakk ukoll minn man-up, iżda Jamie Gambin għamel l-istess u żamm il-vantaġġ momentarju. Dan sakemm Jan Justin skorja għas-Sloveni bl-aħħar xutt tagħhom fis-sessjoni.

Il-logħba daret kemm kemm fit-tieni sessjoni hekk kif it-tim Malti naqqas il-livell ta’ prestazzjoni b’diversi passaġġi żbaljati filwaqt li s-Sloveni bdew iwieġbu kull darba ma’ gowl tat-tim Malti. Wara li Jasa Lah ġab id-draw, Liam Galea u Dino Zammit taw darbtejn vantaġġ lit-tim Malti iżda s-Sloveni wieġbu immedjatament biex it-tieni sessjoni ntemmet 5-5.

Ftuħ mill-aqwa għat-tielet sessjoni b’vantaġġ ta’ 7-5 permezz ta’ Dino Zammit u Ben Plumpton. Iżda dan il-vantaġġ sparixxa għaliex permezz ta’ Matej Nastran u man-up skorjat minn Jasa Kadivec, is-Sloveni ġabu d-draw. Liam Galea ħalla lit-tim Malti fil-vantaġġ b’gowl ieħor minn superjorità numerika iżda Matic Rahne wieġeb mill-ewwel.

Madankollu fl-aħħar sessjoni t-tim Malti ħareġ l-aħjar tiegħu u fetaħ distakk li minnu s-Sloveni ma setgħux jirkupraw. Nicholas Bugelli, Dino Zammit, Matthew Zammit u Andreas Galea fetħu vantaġġ ta’ 12-8. Is-Sloveni naqqsu d-distakk iżda Nicholas Bugelli ssiġilla r-rebħa fl-aħħar minuta. Malta tilgħab kontra l-Ġermanja t-Tlieta fl-10.30am.

Malta: J. Tanti, S. Gialanze, A. Galea (1), J. Gambin (1), Da. Zammit, M. Zammit (2), B. Plumpton (2), N. Bugelli (2), J. Abela, N. Zammit, L. Galea (2), Di. Zammit (3), N. Grixti

Slovenja: J. Beton, B. Popovic, J. Kadivec (2), M. Rahne (1), M. Nastran (1), M. Blazic, M. Stele (1), A. Troppan, V. Stefanovic, J. Justin (2), J. Lah (1), A. Cerar (1)

Referees: Nenad Peris (Kroazja), Erkan Turkkan (Turkija)