Lokali

Sitt ġriewi salvati wara li ġew mormija barra

Illum tgħid kemm jidhru ġriewi ħelwin u b’saħħithom… iżda sa ftit ġranet ilu bilkemm kont tgħarafhom hekk kif kienu qed imutu wara li ġew abbandunati minn sidhom.

Kien fid-29 ta’ Awwissu meta sitt t’iġriewi nstabu mormija barra jissiltu għal ħajjithom… bl-Animal Welfare, jieħu responsabbiltà tagħhom biex ittihom il-kura meħtieġa.

Iżda minkejja li ġew salvati, dan kien ifisser ġranet ma jaqtgħu xejn ta’ rijabilitazzjoni hekk kif il-ġriewi la felħu jieklu weħidhom u wisq inqas iqumu fuq saqajhom u jimxu.

Fil-fatt, jum minnhom, wieħed mill-ġriewi spiċċa kellu jittieħed fl-isptar tal-annimali minħabba li ma kienx għadu ta’ idejhom. Fortunatament, sal-għada kien ħafna aħjar tant li rritorna mal-ġriewi l-oħra.

Minkejja biża’ li dawn il-ġriewi mhux se jsalvaw, huma rnexxilhom jibdew jimxu u jieklu kompletament weħidhom… b’tama li ‘l quddiem ikunu b’saħħithom biżżejjed biex jitpoġġew għall-addozzjoni.