“Il-ħaddiem ġenwin intuh bis-sieq u min jisraq ngħolluh!”
“Għamel xi ħaġa ħażina u tingħata promotion.”
“Missejna il-qiegħ.”
Kienet din ir-reazzjoni tan-nies għall-istorja ppubblikata l-Ħadd mill-MaltaToday – storja li mill-ġdid titfa’ l-attenzjoni fuq Transport Malta.
L-istorja titratta uffiċjal tal-LESA, li qed jaffaċja numru ta’ akkużi kontrih, fosthom ksur tal-protezzjoni tad-data u ta fastidju sesswali – u li issa spiċċa ngħata transfer għal ma’ Transport Malta.
Ir-rapporti dwar dawn l-allegazzjonijiet serji kienu ħarġu fil-midja lura f’Diċembru li għadda.
Fost l-agħar allegazzjonijiet hemm li dan l-uffiċjali kien jaqbad u jħassar ċitazzjonijiet ta’ diversi persuni, fosthom politiċi, ħaddiema tagħhom, u eks ħaddiema fil-LESA.
Dan kien isir billi kien jimmarka ċ-ċitazzjonijiet bħala ‘kanċellati’, ‘li waqgħu’ jew ‘mhux ħatja’ biex jifranka lil dawn il- persuni milli jħalsu kontravenzjoni għaliex ikunu saqu b’veloċità eċċessiva jew ipparkjaw fuq xi double yellow line.
Fid-dawl ta’ dawn l-allegazzjonijiet, din il-persuna kienet ġiet sospiża mill-irwol tagħha sakemm jinqata’ l-każ. Għalkemm issa, sab ruħu f’job ġdid fi Transport Malta… minkejja li l-każ fil-Qorti għadu ma nqatax.
Il-gazzetta MaltaToday ikkuntatjat lill-Kap Eżekuttiv tal-LESA, Svetlick Flores. Iżda dan irrifjuta li jagħti r-reazzjoni tiegħu.
Mistoqsijiet simili saru wkoll lil Transport Malta, iżda lanqas dawn ma wieġbu.
U minkejja dawn l-akkużi kollha fil-Qorti kontra dan l-uffiċjal tal-LESA, din l-istess persuna xorta waħda qed tgawdi minn impjieg għoli fi ħdan Transport Malta tant li issa spiċċa parti mis-sezzjoni li tirregola l-muturi.