Futbol Sport

Żewġ goals fl-ewwel taqsima jkunu biżejjed għal Ħamrun Spartans

(Ritratt: Joseph Galea)

Rowen Camilleri

ĦAMRUN S……2

PIETÀ H………….0

Ħamrun S: P.Sanchez, B. Ederson, S. Borg, M. Guillaumier, O. Bjelicic (R. Callegari 57’), E. Marcelina, L. Montebello (J. Soares 71’), M. Fedele (Z. Azzopardi 90’), E. Mashike, Jonny (S. Attard 71’), R. Camenzuli

Pietà H: R. Cini, S. Okoh (J. Gigho 46’), C. Bangura, S. Mizzi (T. Agius 79’), Y. Ito, K. Briffa (D. Zerafa 46’), Z. Leonardi, G. Ogungbe (Y. Morita 68’), S. Camara (K. Leonardi 46’), A. Belibi, T. Yamaguchi

Imwissija: A. Camara 24’, Z. Leonardi 67’, T. Agius 84’ (P), S. Borg 75’ (Ħ)

Skorjaw: Jonny 12’, E. Mashike 20’ (Ħ)

Referee: Ezekiel barbara

Assistenti Referees: Duncan Spiteri u James Muscat

In-Nazzjon Plejer tal-logħba: Ryan Camenzuli (Ħamrun Spartans)

Fl-aħħar partita tal-Ħadd fl-Istadium Nazzjonali Ħamrun Spartans irreġistraw it-tieni rebħa konsekuttiva meta f’partita nieqsa f’dik li hi intensità. Ħamrun ħadu dak li riedu b’żewġ goals fl-ewwel 20 minuta biex mbgħad m’għamlu xejn speċjali matul il-patita fejn lejn l-aħħar anke fallew penalty mogħti minn Dodo. Minn naħa l-oħra Pietà sofrew it-tielet telfa tagħhom fejn mhux biss għadhom bla punti iżda anke għadhom qed ifittxu l-ewwel goal tagħhom.

L-ewwel azzjoni perikoluża waslet minn Ħamrun meta Marcelina qabbeż minn fuq id-difiża lejn Montebello li minn pożizzjoni angulata ra l-konklużżjoni tiegħu tgħaddi ftit barra. Fit-12-il minuta Ħamrun fetħu l-iskor permezz ta’ JONNY li kompla ġewwa minn kross ta’ Ryan Camenzuli. Minuta wara reġa’ kien Camenzuli li avvanza mix-xellug u tefa’ kross fil-baxx li kien imtajjar momentarjament minn Ito bil-ballun jaqa’ f’saqajn Ederson li x-xutt tiegħu kien devjat f’korner.

Ħamurn idruppjaw fl-20 minuta. L-ewwel kien kross ta’ Ederson li kien imtajjar parzjalment minn Bangura, bil-ballun jasal għand Guillaumier li prova xutt mill-ewwel li kien devjat bir-ras minn ELVIS MASHIKE u minkejja t-tentattiv tal-goalkeeper Reeves Cini l-ballun daħal fix-xibka. Fil-35 minuta Pietà jmorru viċin meta l-korner ta’ Ito sab lil Zean Leonardi li għola tajjeb ħafna fuq kulħadd u d-daqqa ta’ ras tiegħu għaddiet ftit barra. Fl-40 minuta Ħamrun sfortunati li m’għamluhomx tlieta meta l-kross ta’ Montebello sab lil Elvis waħdu fil-kaxxa li x-xutt mill-ewwel tiegħu għadda mħakkek mal-lasta.

Ryan Camenzuli f’wieħed mill-attakki ta’ Ħamrun (Ritratt: Joseph Galea)

Pietà ħarġu aktar organizzati fit-tieni taqsima fil-55 mintua daqqa ta’ ras ta’ Bangura kienet milqugħa faċilment minn Sanchez. L-ewwel azzjoni minn Ħamrun fit-tieni taqsima waslet fit-68 minuta meta Fedele dendel ballun fil-kaxxa li sab lis-sostitut Callegari li d-daqqa ta’ ras tiegħu għaddiet ftit barra. Fl-74 minuta s-sostitut Daniel Zerafa ttanta xortih minn free kick direzz fejn għażel is-saħħa iżda l-ballun għadda għoli. Fit-80 minuta ċnas tad-deheb għal Pietà meta Yamaguchi rċieva pass tajjeb it-tul mingħand Ito iżda malli ġie wiċċ imb wiċċ mal-goalkeeper Ħamruniż ma laqatx il-ballun tajjeb u l-azzjoni sfumat. Fil-85 minuta Ħamrun ingħataw penalty għal foul tas-sostitut Terence Agius fuq Dodo iżda l-istess plejer ra x-xutt tiegħu jaħbat mal-wieqfa u jittajjar mid-difiża ta’ Pietà. L-iskor baqa’ dak ta’ 2-0 biex issa Ħamrun jilgħabu nhar l-Erbgħa kontra Marsaxlokk.