Lokali Qorti

Albaniż imfittex fil-Greċja fuq qtil doppji orribbli joġġezzjona għal rapport ta’ espert tal-marki tas-swaba

L-avukati ta’ raġel Albaniż li qed jirreżisti l-estradizzjoni lejn il-Greċja minħabba omiċidju doppju li sar b’mod orribbli talbu biex jitneħħa rapport miġbur minn espert tal-marki tas-swaba’ Grieg fuq il-bażi li ntuża metodu skadut biex jiġu analizzati l-marki.

Ledjon Brakaj (ritratt fin-nofs flimkien mal-vittmi) ta’ 36 sena ġie arrestat f’Malta x-xahar li għadda u nżamm taħt arrest preventiv wara li f’ismu nħareġ Mandat ta’ Arrest Ewropew mill-awtoritajiet Griegi. Brakaj huwa mfittex biex jgħaddi minn proċeduri kriminali dwar il-qtil doppju makabru tas-sid ta’ negozju tas-souvenirs u n-neputi tagħha fl-2015 fil-gżira Griega ta’ Aegina.

Rapporti jgħidu li l-katavru ta’ Irini Marmarino kien instab mejjet flimkien ma’ dak tan-neputi tagħha, Lambros Protonotarios, ġewwa darha. Iż-żewġ vittmi kienu ġew ittorturati qabel ma nqatlu, bl-awtopsja tikkonkludi li ż-żewġ vittmi kienu ssawtu b’mod feroċi tant li sofrew ksur ta’ ksur ma’ ġisimhom kollu, u li ngħataw in-nar waqt li kienu għadhom qed jieħdu n-nifs.

Meta tressaq ir-raġel, l-Ispetturi Kurt Ryan Farrugia u Robinson Mifsud qalu lill-Qorti li l-akkużat kien inqabad wara li nstabu l-marki tas-swaba’ tiegħu jaqblu ma’ dawk mibgħuta mill-awtoritajiet fil-Greċja. Iżda f’rikors ippreżentat mill-avukati Franco Debono, Marion Camilleri u Francesca Zarb, intqal li ma kien hemm l-ebda dokumentazzjoni fl-atti li turi kif ittieħdu r-ritratti, minn min jew kemm kienu ttieħdu.

Din l-aħħar kwistjoni qajmet mistoqsijiet dwar id-Drittijiet tal-Bniedem relatati maż-“żamma indiskriminata” tad-dejta tal-marki tas-swaba’, liema prattika kienet ġiet iddikjarata bi ksur tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fil-każ tal-2020 ta’ Gaughran vs ir-Renju Unit.

Fattur ieħor li nqabdu mill-avukati kien li r-rapport tal-espert Grieg kien iddikjara li l-marki tar-raġel kienu ġew ikklassifikati bl-użu tal-Henry System, teknika żviluppata fl-1896, li permezz tagħha l-marki tas-swaba’ jintgħażlu skont il-karatteristiċi fiżjoloġiċi għal tiftix wieħed għal ħafna.

“Mhux biss is-sistema hija arkajka, iżda fir-rapport tal-espert bl-ebda mod ma jindika kif saret l-analiżi komparattiva, jew il-modus operandi jew it-tekniki użati biex wasal għall-konklużjonijiet tiegħu,” argumentaw l-avukati. Fid-dawl ta’ dan, id-difiża talbet lill-qorti tordna t-tneħħija mill-atti tal-kawża tad-dokumenti kollha relatati mat-teħid u l-analiżi tal-marki tas-swaba’ ta’ Brakaj.